Join Us On:

News Archive

FESTA KOMPLUTA !

Din is-sena, il-festa ta’ San Ġorġ kienet suċċess komplut minn kull sens. Hekk għandu jkun għax il-patrun tagħna jixraqlu l-aqwa u l-aħjar. Ħajr imur lil dawk kollha li niżlu u ħonqu triqat beltna, mhux f’jum wieħed jew tnejn biss, imma l-ġimgħa kollha, folla akbar minn ta’ qabilha.

Grazzi lilkom kollha nvoluti fl-organizzazzjoni tal-festi ta’ San Ġorġ, kemm dawk interni, organizzati mill-parroċċa għażiża tagħna, imma wkoll dawk esterni, li aħna bħala Soċjetà Filarmonika La Stella għandna l-privileġġ norganizzaw. Naturalment dan kollu huwa possibbli għax is-Soċjetà Filarmonika La Stella għandha l-lussu ta’ sotto-kumitati kollha kapaċissimi fir-rwol tagħhom. Nibda bl-Għaqda tal-Armar, li minn jiem qabel, xi drabi ġo sħana kbira u diffikultajiet oħra, ilibbsu t-triqat kollha tagħna bl-aqwa armar. Ta’ min jinnota li kull sena din l-għaqda mhux biss tagħmel opri ġodda imma tieħu ħsieb tirrestawra dak li għandna biex inħalluh lil ta’ warajna. L-Għaqda tan-Nar kienet ukoll protagonista f’din il-festa. Għandna nies kapaċissmi u liċenzjati biex jaħdmu n-nar fi kmamar tan-nar Malta li huwa wkoll liċenzjati. Ix-xogħol ta’ dawk u oħrajn li jieħdu ħsieb il-ġbir ta’ flus ħaqqhom grazzi minn għandna lkoll għall-ispettaklu li tawna.

Ma nistgħux ma nsemmux l-Għaqda ħabrieka u f’saħħitha taż-Żgħażagħ tagħna. Kienu huma li tawna spettakli kbar matul diversi jiem tal-festa. Dan jagħtina pjaċir doppju għax nafu li warajna se nħallu s-Soċjetà Filarmonika La Stella f’idejn sodi. L-inizjattivi ta’ dawn iż-żgħażagħ Ġorġjani huma verament ammirevoli.

Fl-aħħar iżda mhux l-inqas, grazzi u prosit imur ukoll lill-Banda Ċittadina La Stella, taħt id-direzzjoni tas-Surmast Dr John Galea. Għamilna sitt servizzi, xi drabi twal mhux ħażin u ġo temperaturi elevati tas-sajf, imma dan il-banda tagħna tagħmlu b’impenn u pjaċir. Nirringrazzjaw ukoll is-sehem tal-Kor Piccole Stelle taħt id-direzzjoni ta’ Ms Sylvana Attard li ħadet ħsieb il-preparazzjoni tagħhom.

Grazzi wkoll lilkom baned mistiedna, li aċċettajtu li taqsmu magħna l-ferħ tal-festa ta’ San Ġorġ: minn Għawdex , Banda Santa Marija taż-Żebbuġ, Banda Santa Margerita ta’ Sannat, Banda Mnarja tan-Nadur u Banda Victory tax-Xagħra. Grazzi lilkom baned mistiedna Maltin, Banda Santa Katerina taż-Żurrieq, Banda Unjoni ta’ Ħal-Luqa, Banda Nazionale La Vallette, Banda Sant’ Elena ta’ Birkirkara, Banda San Ġorġ ta’ Ħal-Qormi (żewġ servizzi) u l-Banda King’s Own li ilha tieħu sehem magħna għal bosta u bosta snin. Erba’ servizzi minn baned Għawdxin u seba’ servizzi minn baned Maltin. Għodd dawn il-ħdax- il servizz mas-sitta tal-Banda Ċittadina La Stella u jkun ifisser li l-festa kellha sbatax- il servizz fil-ġimgħa tal-festa. Dan kollu ma jkunx possibbli li kieku ma jkunx hemm nies fil-kumitat li jiġbru l-fondi matul is-sena kollha – dawk jistħoqqilhom mertu kbir mis-suċċess. Grazzi wkoll lil dawk li ħadu sehem jorganizzaw il-briju matul il-jiem tal-festa.

L-organizzazzjoni tal-festa titlob ħafna xogħol amministrattiv u ta’ loġistika li ma jkunx jidher, imma li mingħajru l-festa ma ssirx. Għalhekk prosit imur lill-President Michael Formosa u s-Segretarju Matthew Zammit u t-tim ta’ nies madwarhom fid-diversi kumitati tax-xogħol u l-impenn tagħhom biex sar dan kollu. Aħna nafu kemm sagrifiċċji festa bħal din tkun titlob minn dawk li jidħlu għall-organizzazzjoni tagħha.

Dan kollu nagħmluh bil-qalb u b’ħeġġa għall-patrun tagħna San Ġorġ. Inwegħduk li dak li għamlu missirijietna aħna nkompluh u nkabbruh, biex, kif deskritta snin ilu, il-festa ta’ San Ġorġ tibqa’ “la festa più popolare del paese”.

(ritratti: Joe Attard, Daniel Cilia, Għaqda Żgħażagħ La Stella)