Join Us On:

News Archive

ŻEWĠ SERVIZZI OĦRA F’SAN LAWRENZ

Għar-raħal ta’ San Lawrenz, is-sena 2008 kienet sena mill-aktar speċjali. Fil-fatt din is-sena tfakkar il-1750 sena mill-martirju tal-qaddis patrun ta’ dan ir-raħal. F’dawn il-festi speċjali, il-banda ċittadina u dekana ‘La Stella’ ġiet mistiedna biex tagħti s-sehem tagħha, l-istess bħalma għamlet għal numru twil ta’ snin. Dan bla dubju jixhed ir-rabta kbira li teżisti bejn il-parroċċa ta’ dan ir-raħal u s-Soċ. Filar. La Stella.

F’dawn il-festi, il-banda ‘La Stella’ għamel marċ brijuż madwar it-toroq ewlenin tar-raħal, lejlet il-festa. F’dan il-marċ ħadet sehem ukoll il-banda ‘San Ġużepp’ t’Għajnsielem. Fi tmiem il-marċ, il-banda tagħna telgħet fuq il-planċier u hemm taħt id-direzzjoni tas-surmast direttur Mro Joseph Vella esegwiet l-innu l-kbir kompożizzjoni ta’ Mro Giuseppe Giardini Vella ‘A San Lorenzo Martire’. L-għada, jum il-festa, il-banda sabet postha fuq il-planċier ftit qabel il-ħruġ tal-purċissjoni, biex minn hemm sellmet lill-patrun tar-raħal San Lawrenz bid-daqq ta’ l-innu l-kbir bis-sehem tal-kor tal-parroċċa u tas-solisti. Dan l-innu, minn meta nkiteb mill-ex surmast tal-banda ‘La Stella’ Mro Giardini Vella, dejjem indaqq mill-banda tagħna. Hekk kif intemm dan l-innu, indaqq l-innu marċ kompożizzjoni ta’ Joseph Formosa. Waqt il-purċissjoni, il-banda dekana esegwiet programm mużikali fuq il-planċier taħt id-direzzjoni tas-surmast Joseph Vella. Il-banda daqqet siltiet popolari mill-pinna ta’ kompożituri varji, li tassew intgħoġbu mill-udjenza preżenti fosthom numru kbir ta’ turisti li fi tmiem kull silta mużikali taw applaws xieraq lill-bandisti tagħna. Fost is-siltiet mużikali li ġew esegwiti kellna: l-Overture No. 1 ta’ Sunny Galea, Selection mill-Opra ‘Norma’ ta’ Vincenzo Bellini; “Italian Festival” ta’ Glenn Osser; u “Night at the Ballet” ta’ P. I. Tchaikovsky. Hekk kif waslet il-purċissjoni l-banda daqqet żewġ innijiet f’ġieħ San Lawrenz, kompożizzjoni ta’ Mro Joseph Vella u ta’ Joe Formosa. B’dawn l-innijiet l-banda akkumpanjat id-dħul ta’ l-istatwa ta’ San Lawrenz lura fit-tempju tagħha, fost il-kant u ċ-ċapċip tal-poplu Lawrenzjan.

Wieħed ta’ min isemmi li f’Ġunju li għadda l-banda tagħna wkoll ġiet ikkummisjunata biex tirrekordja sett ta’ innijiet ta’ San Lawrenz fuq CD li ġie varat proprju fil-ġimgħat fl-okkażjoni tal-festi speċjali li ġew iċċelebrati f’dan ir-raħal. B’dawn iż-żewġ servizzi li kellha l-banda tagħna, issa t-total ta’ servizz li għamilna barra l-belt Victoria jitla’ għal ħdax. L-aħħar żewġ servizzi li għandha l-banda għal dan is-sajf huma fir-raħal taż-Żebbuġ fejn tiġi ċċelebrata l-festa ta’ Santa Marija u f’Għajnsielem fejn tiġi ċċelebrata l-festa tal-Madonna ta’ Loreto.

11/08/2008

ritratti: D. Pisani