Join Us On:

News Archive

ŻEWĠ SERVIZZI FI TLETT IJIEM

Nhar il-Ħadd 26 u t-Tlieta 28 ta’ Ġunju, il-banda ċittadina La Stella għamlet l-aħħar żewġ servizzi tagħha ‘l barra mill-belt Victoria, qabel il-festa ta’ San Ġorġ Martri fejn il-banda tkun impenjata fi tmien okkażjonijiet. Fil-fatt fi spazju ta’ tlitt ijiem il-banda għamlet marċ u programm mużikali fir-raħal tax-Xewkija fl-okkażjoni tal-festa ta’ San Ġwann il-Battista u mbagħad lejlet l-Imnarja ħadet sehem fil-marċ popolari ta’ lejlet il-festa ta’ San Pietru u San Pawl fin-Nadur. 

Ġewwa x-Xewkija l-banda għamlet marċ qasir minn Triq l-Indipendenza sal-pjazza tar-Rotunda, fejn hemm imbagħad sabet postha fuq il-planċier u esegwiet programm mużikali taħt id-direzzjoni tas-surmast direttur il-Prof. Joseph Vella. F’dan il-programm mużikali l-banda esegwiet għadd ta’ siltiet mużikali popolari li varjaw minn mużika tal-films; kanzunetti Taljani u mużika lokali. Il-programm kien jinkludi: Free World Fantasy ta’ Jacob De Haan; Italian Festival arranġament ta’ kanzunetti Taljani ta’ Glenn Osser; My Heart will go on mill-film Titanic ta’ James Horner; Calypso Symphony ta’ Sunny Galea; u The Last of the Mohicans ta’ Trevor Jones. Is-servizz intemm bid-daqq ta’ innu marċ lil San Ġwann l-Għammiedi waqt id-dħul tal-purċissjoni lura fir-rotunda.

Jumejn wara kien imiss servizz ieħor prestiġjuż – dak fir-raħal tan-Nadur fejn il-banda ħadet sehem fil-marċ popolari ta’ lejlet il-festa ta’ San Pietru u San Pawl. Flimkien mal-banda La Stella daqqet ukoll il-banda residenti Mnarja, u proprju matul l-aħħar ħinijiet tal-marċ brijuż iż-żewġ baned ngħaqdu f’banda waħda u daqqew numru ta’ marċi popolari fosthom marċ partikolari ferm rikjest miż-żgħażagħ Nadurin, mill-pinna tas-surmast Joseph Sammut u bla dubju l-innu marċ ta’ Vincenzo Ciappara.

Issa ħarsitna tmur bla dubju fuq l-impenji numerużi li għandna matul il-jiem tal-festa – impenji li jiftħu l-Ħadd 10 ta’ Lulju b’marċ fl-okkażjoni tal-ordinazzjoni saċerdotali ta’ Dun Simon M. Cachia, saċerdot Ġorġjan, li ser jiċċelebra l-prima messa proprju f’dik il-ġurnata.