Join Us On:

News Archive

DJAMANTI MUŻIKALI

pr142514b

PRESS RELEASE MAĦRUĠA MID-DIPARTIMENT TAL-INFORMAZZJONI

Preċiżament f’Jum Għawdex tnieda l-kunċert DJAMANTI MUŻIKALI li ser isir f’Għawdex, l-ewwel parti fid-29 ta’Novembru fit-teatru ASTRA u fis-6 ta’Diċembru fit-teatru AURORA.

Dan huwa kunċert organizzat mill-Fondazzjoni Ċelebrazzjonijiet Nazzjonali (FCN) flimkien mal-Ministru għal Għawdex, Anton Refalo.

Din hi l-ewwel darba fl-istorja ta’dawn iż-żewġ Teatri Għawdxin li ser ikunu qed jikkollaboraw flimkien biex itellgħu kunċert wieħed. Flimkien ser ikunu qed ifakkru avvenimenti li sawru l-istorja ta’pajjiżna, l-Indipendenza u r-Repubblika, l-ewwel darba li dawn iż-żewġ kisbiet importanti ser jiġu mfakkra flimkien.

Il-konferenza nfetħet mill-produttur ta’ DJAMANTI MUŻIKALI, David Borg, fejn spjega li l-isem huwa fergħa mill-aktar kanzunetta popolari li qatt inkitbet għal Għawdex, Inti Djamant, kif ukoll jirrifletti l-kontenut ta’mużika u melodija Għawdxin u Maltin li tnaqqxu fl-istorja mużikali ta’dawn il-gżejjer.

Borg qal li wara s-suċċess kbir li għamel il-kunċert 50 Years of Maltese Music ġewwa Malta, kien xieraq li dan jiġi estiż ġewwa Għawdex u jitwessa fuq firxa iktar wiesa.

Kif ingħata ġewwa Malta, dan il-kunċert f’żewġ partijiet ser ikollu d-dħul b’xejn f’Għawdex ukoll. Id-dħul ser ikun fuq bazi ta’ FIRST-COME-FIRST-SERVED.

Il-Ministru Anton Refalo saħaq kif il-Ministeru għal Għawdex huwa mpenjat biex Għawdex ikun aktar attraenti kemm għal Għawdxin, għal Maltin kif ukoll għat-turisti. Il-ħidma tal-Gvern hija ffukata biex tingħata promozzjoni effettiva lil Għawdex biex aktar Maltin u turisti jżuru lil Għawdex matul is-sena kollha speċjalment matul ix-xhur aktar kwieti xitwija. “Kien għalhekk li jien segwejt mill-qrib l-iżvilupp ta’ din l-inizjattiva. L-għaqda bejn l-Għawdxin hi strumentali biex Għawdex jimxi ‘l quddiem, għax fejn hemm l-għaqda, hemm is-saħħa.” temm jgħid il-Ministru, waqt li stieden lill-presidenti taż-żewġ teatri jieħdu b’idejn xulxin.

Tkellem ukoll iċ-Chairman tal-FCN, Albert Marshall, fejn spjega kif l-arti, il-kultura u l-mużika huma elementi fis-soċjeta’ tagħna li, jekk jintużaw tajjeb, isawwru l-għaqda fost il-poplu. “Huwa għalhekk li dan il-kunċert huwa ta’ fejda u nħossni kburi li qed nagħmel parti minnu”, temm is-Sur Marshall.

Il-kompożitur Paul Abela spjega li dan il-kunċert ser ikun mimli kanzunetti ta’ talent Għawdxi u Malti li ser ikun usa minn dak li ttella’ fi Smart City. Hu qal li jinsab ċert li kif in-nies ħadu pjaċir f’Malta, “ser inkunu qed nagħtu kunċert li n-nies sew jibqgħu jkantaw mal-melodija, anke wara li jispiċċa l-kunċert stess!” tenna l-kompożitur.

Iż-żewġ partijiet tal-kunċert, is-Sibt 29 ta’ Novembru fl-ASTRA u s-Sibt 6 ta’ Diċembru fl-AURORA jibdew fis-7:30pm