DIMOSTRAZZJONI TRIJONFALI
Id-dimostrazzjoni bl-istatwa monumentali ta’ San Ġorġ Patrun t’Għawdex, xogħol Michael Camilleri Cauchi (2008), tinsab fit-tielet sena tagħha. Din id-dimostrazzjoni mill-bidu nett tagħha kisbet popolarita’ kbira u nistgħu ngħidu li sena wara sena qed tkompli tikber. Xhieda ta’ dan huwa n-numru kbir ta’ nies li attendew għal din id-dimostrazzjoni tassew grandjuża.
Għall-banda La Stella, il-bieraħ kienet ġurnata ta’ "mistrieħ", u fil-fatt għal din id-dimostrazzjoni ġew mistiedna l-baned Santa Katerina taż-Żurrieq u Santa Marija taż-Żebbuġ. Id-dimostrazzjoni bdiet minn quddiem il-bażilika u mxiet lejn Pjazza Indipendenza. Il-qofol ta’ din id-dimostrazzjoni ntlaħaq fi Pjazza Savina, fejn għal darb’oħra fi pjazza ppakkjata fost id-daqq tal-marċi brijużi u tal-innu popolari l-istatwa sabet postha fejn il-pedistall tagħha.
Qabel ittellgħet l-istatwa, fuq screen enormi li ġie armat apposta ntwera feature ieħor mill-isbaħ, wara s-suċċess tas-sena l-oħra, fuq il-patrun tagħna San Ġorġ u fuq il-kult kbir tiegħu. Aktar ‘il quddiem ser intellgħu link għal dan il-feature fuq din il-website.
Intant hekk kif intemm dan il-filmat fost iċ-ċapċip tal-pubbliku u tal-partitarji Ġorġjani, ndaqq l-innu popolari li akkumpanja t-tlugħ fuq il-pedistall tal-istatwa ta’ San Ġorġ Patrun t’Għawdex.
Ritratti: Anton Farrugia