DIMOSTRAZZJONI GRANDJUŻA
Id-dimostrazzjoni tal-ewwel jum tat-tridu, għal darb’oħra kienet konferma oħra tal-popolarita’ li tgawdi l-festa ta’ San Ġorġ – popolarita’ b’mod partikolari maż-żgħażagħ Rabtin li għandhom f’qalbhom lil San Ġorġ, il-patrun ta’ beltna u ta’ ġensna. Il-baned La Stella u Santa Margerita bdew marċ minn Triq Għajn Qatet u Triq l-Arċisqof Pietru Pace rispettivament sa Pjazza San Franġisk. Hemm imbagħad folla kbira, f’waħda mill-akbar pjazez ta’ beltna, kienet qed tistenna l-bidu tad-dimostrazzjoni. L-istatwa li kienet tinsab eżattament fuq iz-zuntier tal-knisja konventwali ta’ San Franġisk, sabet postha wara l-banda La Stella li mexxiet din id-dimostrazzjoni. Minn hemm imbagħad bdejna t-triq li waslitna lejn Triq ir-Repubblika fejn hawn għal sena oħra spikka l-briju mill-isbaħ tal-partitarji Ġorġjani fost id-daqq ta’ marċi miż-żewġ baned. Id-dimostrazzjoni ntemmet bil-kbir fi Pjazza San Ġorġ, fejn l-istatwa ttellgħet fost il-kant tal-innu Ġorġi tagħna mill-partitarji li ħonqu kull rokna (kif jixhdu r-ritratti), fuq il-pedistall monumentali fiċ-ċentru tal-istess pjazza.
Intant f’din l-okkażjoni l-banda La Stella żanżnet sett ġdid ta’ marċi brijużi – sett li ntlaqa’ tajjeb ħafna mill-partitarji u mid-dilettanti kollha tal-festi Maltin. Dan is-sett, irrekordjat fuq CD jinsab għal bejgħ mill-każin La Stella għall-prezz ta’ €12.
Ritratti: Joe Attard