Join Us On:

News Archive

CD ĠDID TA’ MARĊI BRIJUŻI

GEORGE, THE MARTYR SAINT, huwa l-isem tas-CD il-ġdid maħruġ mis-Soċjetà Filarmonika ‘La Stella’ fl-okkażjoni tal-festa ad unur il-Patrun tad-Djoċesi u tal-belt Victoria, San Ġorġ Martri.

Wara bosta gimgħat ta’ preparazzjoni mill-banda La Stella taħt id-direzzjoni tas-surmast il-Prof. Joseph Vella u bil-kollaborazzjoni ta’ l-assistent tiegħu Mro. Noel Beck, issa s-Soċjetà reġgħet żammet l-appuntament annwali tagħha sabiex tippreżenta it-18 –il edizzjoni ta’ Cd’s li jinħarġu ta’ kull sena għall-festa ta’ San Ġorġ.

F’din il-kollezzjoni ġdida ta’ marċi festivi wieħed għandu jsib għażla ferm interessanti ta’ marċi ġodda, u oħrajn li matul is-snin żammew posthom fil-popolarità mużikali tagħhom. Ta’ min isemmi marċi minn Joseph Vella nnifsu, George Borg, l-ex assistent surmast Sunny Galea, Joe Galea, Vincenzo Ciappara, Giuseppe Azzopardi, Joe Abela Scolaro, Anthony Aquilina, Emanuel Bugeja, Luigi Bongailas, Paul Schembri u Angelo Pullicino. Insibu wkoll, bħal dejjem l-Innu ‘La Stella’ kompożizzjoni ta’ l-ex surmast tal-banda Mro Giuseppe Giardini Vella u fuq kollox ma jonqosx l-innu marċ popolari ta’ Vincenzo Ciappara, ‘Lil Kbir Martri San Ġorġ’, marċ li ma jmut qatt, marċ li m’hawnx persuna f’Għawdex li ma tlissinx xi strofa minnu meta jkun jindaqq!!

Dan ic-CD qiegħed jiġi ippreżentat b’cover mill-isbaħ, liema ‘artwork’ hu idejat minn Manuel Grima u Michael Formosa, cover fejn il-figura ta’ San Ġorġ tiddomina l-ispazju kwazi kollu. Ta’ nteress partikulari hija l-pittura ta’ San Ġorġ, pittura li tinsab fil-knisja parrokkjali tal-Fontana Għawdex, xogħol ta’ l-artist Lazzaro Pisani (1854-1932), pittura li d-data tagħha tmur lura għas-sena 1914. Fuq in-naħa ta’ ġewwa tal-qoxra, wieħed jista’ jaqra wkoll tagħrif miġbur mill-artist Mark Sagona, dwar din il-pittura. L-idea li tinġieb din il-pittura hija sinjifikanti peress li l-promoturi xtaqu juru u jfakkru kemm anke f’diversi rħula f’Għawdex kiber u xtered il-kult ta’ San Ġorġ.

Intant aħna nappellaw lill-partitarji u lil dawk id-dilettanti kollha sabiex jakkwistaw CD b’dawn il-marċi festivi, marċi mill-aqwa li ta’ l-Istilla huma tant magħrufa għalihom, marċi li fil-jiem li ġejjin jimlew it-toroq tal-belt Victoria bid-daqq tagħhom. Intant dawn il-marċi ser jindaqqu għall-ewwel darba fit-toroq ewlenin ta’ beltna nhar l-Erbgħa 11 ta’ Lulju.

Ta’ minn jgħid prosit u grazzi kbir lill dawk kollha li ħadmu u stinkaw sabiex għal darb’oħra jinħareġ CD ta’ livell tassew għoli, CD li jkompli jżid mal-kullana ta’ CDs li ħarġu f’isem il-Banda Ċittadina La Stella. Xieraq li nsemmu, li l-banda tagħna fost ħafna primati oħra, hija wkoll l-ewwel banda li ħarġet il-marċi tagħha fuq CD. Bla dubju bħalma ġara f’numru kbir ta’ okkażjonijiet oħra, din il-ħaġa ġie kkupjata minn baned oħra fi gżiritna.

Dan ic-Cd issa jinsab għall-bejgħ kemm mill-Każin tas-Soċjetà “La Stella” kif ukoll mill-ħwienet ewlenin tad-diski f’Malta u Għawdex.