Join Us On:

News Archive

CARMEN – L’AMOUR EST UN OISEAU REBELLE !

Il-bieraħ filgħaxija intemmet b’suċċess kbir l-opra ta’ Georges Bizet, Carmen, ġewwa t-Teatru Astra.  Kienu żewġ rappreżentazzjonijiet mimlijin daqs bajda mħabbra ‘Sold Out’ mill-management tat-teatru fil-jiem ta’qabel.  Il-kummenti tan-nies li attendew kienu pożittivi ħafna bl-ispettakklu li għal darba oħra it-tim tat-Teatru Astra immexxi mis-Sur Michael Formosa, kien kapaċi jikkreja.  Din kienet l-ewwel darba li t-Teatru Astra daħal għall-produzzjoni Carmen, imma nistgħu ngħidu li ħareġ bl-unuri kollha, f’kull qasam tal-opra lirika. Il-produzzjoni tat-Teatru Astra hija ambjentata fl-1820, ġewwa Seville, Spanja, kif miktuba fil-librett oriġinali ta’ Henri Meilhac u Lodovic Halevy.

Wieħed ma jistax ma jirringrazzjax lill-leaders artistiċi, fostom lis-Surmast Direttur Dr John Galea, li mexxa l-orkestra nazzjonali ta’ Malta b’kapaċità u dedikazzjoni kbira u lid-direttur artistiku Enrico Stinchelli, li għalih kienet l-għaxar produzzjoni ġewwa t-Teatru Astra u li kull darba jirnexxielu jżewwaq elementi tradizzjonali tal-opra ma effetti teknoloġiċi u projections mill-isbaħ.

Prosit kbir imur ukoll lil kantanti mistiedna li kienu eċċezzjonali; Sanja Anastasia (Carmen), Carlo Ventre (Don Jose’), Serban Vasile (Escamillo), Tea Purtseladze (Michaela), Noel Galea (Zuniga), Charles Buttigieg (Morales), Nicola Said (Frasquita), Marvic Monreal (Mercedes), Davide Benigno (La Danaire) u Alberto Munafo’ (Le Remendado).

Isem rinomat ieħor ġewwa t-Teatru Astra huwa dak ta’ Mariella Spiteri Cefai li kellha r-rwol ta’ Choir Mistress u li preparat il-kor tal-kbar għal din l-opra u li ħareġ bl-unuri kollha. Fl-opra ħadu sehem ukoll sezzjoni mill-Coro Lirico Siciliano. Kulmin ra l-opra Carmen ma setax ma jinnotax ukoll il-kor tat-tfal Piccole Stelle, immexxi minn Sylvana Attard. l-esekuzzjoni tal-partijiet tagħhom kienet eċċellenti.

L-0pra ma tkunx li hi mingħajr xenarju sabiħ u hawn ta’ min jgħid prosit kbira lil Joseph Cauchi u t-tim tiegħu għax għal darba oħra rnexxielu joħloq xenarju innovattiv u ta’ livell għoli immens, kollox magħmul internament.  L-istess jingħad għall-kostumi li minbarra xi eċċezzjonijiet kollha saru mit-tim kbir ta’ ħajjata tat-Teatru Astra, immexxija minn George Camilleri, Ina Zammit, Emanuel Grima, George Farrugia u Miriam Attard.

L-opra Carmen kellha ħafna kulur u spettaklu anke’ bis-sehem ta’ żewġ gruppi ta’ żfin, wieħed immexxi minn Sarah Grech tad-Dance Narratives, fejn kien jidħol il-ballet u żfin klassiku u ieħor immexxi minn Ingrid Sciberras u Estelle Sant tal-Alegria Dance Company li żifnu l-istil flamenco.  Biċċa xogħol oħra importanti li sebbħet immens l-opra saret mis-sezzjoni tad-dwal u projections immexxija minn George Zammit, Juan Vella u MAV Multimedia.  Prosit ukoll lil dawk li huma strumentali biex opra bħal din issir bħal per eżempju Carmel Zammit bħala stage manager u d-diversi assistenti tal-produzzjoni, tal-make-up u l-hairdressers.

Dan kollu ma jkunx possibbli li kieku ma jkunx hemm tim ieħor kbir ta’ nies li għalkemm ma jidrux fuq il-palk, ikunu strumentali biex opra ta’ dan il-livell issir; loġistika, reklamar, social media u websites, immaniġġjar tal-aspett finanzjarju, booking office, pubblikazzjonijiet u ħafna xogħol ieħor.

Grazzi immens lilkom ilkoll għax intom u ta’ qabilkom għamiltu isem lit-Teatru Astra, liema teatru dejjem għaraf jaddatta għaż-żminijiet  filwaqt li jżomm il-livell artistiku u kulturali li għalih huwa rinomat. Huwa wkoll mertu tal-management li dan dejjem sar fil-maggior parti bin-nies tagħna, u, fejn kien hemm talent lokali, hu minn fejn hu, dejjem ingħata opportunità biex wieħed jesprimi l-arti tiegħu.  Dan huwa li jagħmel lit-Teatru Astra, teatru ta’ kull żmien, teatru ħaj.

Grazzi mill-ġdid u alla prossima!

Dawk kollha li ħadu sehem qed jidhru f’din il-link.

(Ritratti: Joe Attard)