Join Us On:

News Archive

BRIJU, SPETTAKLU U AKTAR FOLOL

Dimostrazzjoni wara oħra, u l-briju, l-entużjażmu u l-folol qed ikomplu dejjem aktar jiżdiedu. Id-dimostrazzjoni tal-bieraħ bl-istatwa ta’ San Ġorġ Patrun t’Għawdex għadha fuq fomm kulħadd – dimostrazzjoni li kienet ikkaratterizzata minn briju spettakolari kif ukoll minn folol kbar li ħonqu kull rokna fi Pjazza Indipendenza u aktar tard pjazza Savina fejn intlaħaq il-qofol ta’ kollox.
 
Id-dimostrazzjoni kienet akkumpanjata minn żewġ baned mistiedna: Santa Katerina taż-Żurrieq u Santa Marija taż-Żebbuġ. Fi tmiem il-marċ dawk preżenti setgħu jassistu għal spettaklu kbir li fuqu s-sezzjoni tal-briju ilha taħdem għal dawn l-aħħar xhur: feature  mill-isbaħ ta’ madwar ħmistax-il minuta dwar il-patroċinju ta’ San Ġorġ f’Għawdex flimkien ma’ spettaklu ta’ dwal u mużika. Kien għeluq mill-aqwa għal dimostrazzjoni li sena wara sena qed tkompli tikber fil-popolarita’.
 
Illejla jmiss l-aħħar dimostrazzjoni – din id-darba bl-istatwa ta’ San Ġorġ Rebbieħ; l-ewwel statwa għall-festi esterni f’Għawdex bis-sehem tal-baned La Stella  u Mnarja tan-Nadur. Id-dimostrazzjoni tgħaddi mir-rotta tradizzjonali tal-purċissjoni tilħaq il-qofol tagħha fi Triq ir-Repubblika u Pjazza Indipendenza fejn l-istatwa tittella’ fuq il-pedistall tagħha.
 
Ritratti: Joe Attard