ĠBIR TA’ FONDI GĦALL-FESTA
Għeżież Parruċċani ta’ San Ġorġ u partitarji ta’ l-Istilla,
Fi ftit ġimgħat oħra, ġol-Belt Victoria ser inkunu qed niċċelebraw il-festi li nagħmlu ta’ kull sena lill-Kbir Martri San Ġorġ. Ix-xogħol għal din il-festa, fi ħdan is-Soċjetà Filarmonika La Stella jkun għaddej is-sena kollha imma, issa, f’dawn il-ġranet, inkunu wkoll qegħdin naqgħu fuqkom il-parruċċani ta’ San Ġorġ u l-partitarji tal-banda tagħna, biex tgħinuna finanzjarjament fl-ispejjeż tant kbar li nkunu qed nagħmlu f’dawn il-ġranet tal-festa.
Għal dan il-għan, il-Kumitat Ġenerali tal-Banda tagħna ta’ l-Istilla, minn dan il-weekend qed jiftaħ il-kampanja ta’ ġbir ta’ flus għall-festa. F’dawn il-jiem, għalhekk, ser tkunu qed taraw diversi membri tal-Kumitat Ġenerali tal-banda fit-toroq ta’ beltna li ser javviċinawkom għal dan il-għan. Nagħmlulkom appell imħeġġeġ biex tgħinuna f’dawn l-ispejjeż tant kbar. Ir-riżultat tal-kontribuzzjonijiet tagħkom ser tkunu tistgħu tarawh f’dawn il-jiem ta’ festa għax il-mod tant grandjuż li, ta’ kull sena, niċċelebraw lil San Ġorġ hija ħaġa eċċezzjonali. Nitolbukom ukoll biex tirrealizzaw li minn meta qlibna s-sistema tal-flus minn Lira Maltija għal-Ewro, ħafna minnkom baqgħu jagħtuna l-istess figura u ma rrealizzawx li issa bdew jagħtuna inqas min-nofs ta’ dak li kienu jagħtuna qabel. Għalhekk, anke hawn, nappellawlkom biex tevalwaw is-somma li tkunu ser tagħtuna bħala kontribuzzjoni.
Mill-qalb nixtiequ nirringrazzjawkom ta’ dan is-sapport li dejjem sibna minn għandkom u nawgura lilkom ilkoll il-festa t-tajba.
Viva San Ġorġ.
Paul Zammit
President
Soċ. Filar. La Stella.