Join Us On:

News Archive

BIDU TAL-FESTI ESTERNI TA’ SAN ĠORĠ

Il-bieraħ kien jum importanti fil-kalendarju tas-Soċjetà Filarmonika La Stella, jum li fih l-ewwenett fetħu l-festi esterni ta’ din is-sena, u t-tieni għax il-bieraħ kienet l-festa Ġorġjana tat-tfal. Il-bieraħ kien ukoll id-disgħa u l-aħħar Ħamis ta’ San Ġorġ, filwaqt li n-novena tibqa għaddejja sa tmiem il-ġimgħa.

Wara l-quddiesa tan-novena tas-7pm it-tfal inġabru fi Pjazza San Ġorġ minn fejn telqet f’dimostrazzjoni l-istatwa ta’ San Ġorġ, xogħol l-istatwarju Għawdxi l-Kav. Wistin Camilleri. L-istatwa fil-preżent hija kustodita fil-mużew Il-Ħaġar wara li għamlet snin fis-Sala Kapitulari ta’ San Ġorġ. Ix-xbieha hija mnebbħa mill-istatwa titulari ta’ Pietru Pawl Azzopardi u hija xogħol fil-kartapesta fuq skala iżgħar u allura addattata ferm għall-okkażjoni tal-bieraħ.

Matul id-dimostrazzjoni daqqew l-alljievi tal-Banda Ċittadina La Stella megħjuna mill-għalliema tagħhom biex b’hekk il-festa tkun verament tat-tfal. Id-dimostrazzjoni mxiet lejn il-każin La Stella fejn spiċċat fost il-briju, ċapċip u kant tal-innijiet l-aktar popolari fostom l-innu marċ “Ġorġi tagħna”.

Minn din il-paġna nixtiequ nawgurawlkom festa mill-aqwa, u nistednukom tieħdu sehem fil-funzjonijiet tal-knisja li apposta huma maħsuba li ma jaħbtux mal-festi esterni. Tistgħu issegwu l-programm dettaljat f’din il-link.