Join Us On:

News Archive

BANK OF VALLETTA U TEATRU ASTRA JNIEDU FESTIVAL MEDITERRANEA 2012

Bank of Valletta qed jagħti s-sostenn tiegħu lill-ħdax-il edizzjoni ta’ Festival Mediterranea, ċelebrazzjoni ta’ arti u kultura f’Għawdex, organizzat minn Teatru Astra, li għandu bħala l-qofol tiegħu l-opra “Madama Butterfly”.
 
Il-festival ta’ din is-sena se jsir bejn il-25 t’Ottubru u s-17 ta’ Novembru u jinkludi firxa ta’ attivitajiet, minn opra sal-ikel u l-inbid. 
 
Il-programm ta’ attivitajiet kien imniedi uffiċjalment waqt konferenza tal-aħbarijiet li saret fic-Centru BOV f’Santa Venera u li kienet indirizzata mill-Kap Eżekuttiv ta’ Bank of Valletta Charles Borg, Michael Formosa, Chairman ta’ Festival Mediterranea, u l-Prof. Mro. Joseph Vella, direttur mużikali tal-festival. 
 
L-opra magħżula għal din is-sena hi “Madama Butterfly” li se ġġib flimkien tliet artisti ta’ fama mill-iktar importanti madwar id-dinja – is-sopran Daniela Dessì, it-tenur Fabio Armiliato u l-baritonu Carlo Guelfi, li kantaw numru ta’ drabi flimkien f’uħud mill-iktar teatri tal-opra importanti fid-dinja, kif ukoll f’reġistrazzjonijiet fuq Compact Disc u DVDs, u li se jerġgħu jkantaw flimkien f’Għawdex. Is-Surmast Vella se jkun qed jidderieġi l-Orkestra Filarmonika ta’ Malta, filwaqt li l-Kor tal-Opra tat-Teatru Astra, imħarreġ minn Maria Frendo, se jiehu sehem. Id-direttur tal-palk it-Taljan Enrico Stinchelli reġa’ ġie fdat b’din il-produzzjoni. Iż-żewġ rappreżentazzjonijiet tal-opra se jkunu l-Ħamis 25 u s-Sibt 27 t’Ottubru, u tibda fis-7.30pm. 
 
Is-Sur Formosa spjega li l-festival jiffoka fuq l-istorja, l-arti u t-tradizzjonijiet lokali f’ċelebrazzjoni ta’ xahar, filwaqt li jagħti prominenza lill-muzika b’numru ta’ kunċerti, minn dawk da camera sa kunċerti sinfoniċi. Il-festival jinkludi wkoll produzzjoni oriġinali taż-żfin kif ukoll numru ta’ żjarat bi gwida u lecture.
 
Is-Surmast Vella spjega li mil-lat artistiku l-kantanti magħżula għall-produzzjoni operistika ta’ din is-sena jpoġġu lil Teatru Astra f’livell ogħla minn qatt qabel u joffru opportunità unika lil min japprezza l-opra f’pajjiżna. Din se tkun l-ewwel darba li l-pubbliku Malti se jkun jista’ jsegwi lil dawn it-tliet kantanti prinċipali jkantaw flimkien f’opra f’pajjiżna.
 
Is-Sur Borg stqarr ammirazzjoni għax-xogħol li jsir kull sena biex ikunu jistgħu jsiru dawn l-attivitajiet, filwaqt li semma’ kif dawn huma wħud mill-fatturi li jagħmu lil Għawdex destinazzjoni għal min iħobb il-kultura. 
 
Huwa qal ukoll “Din hi waħda mir-raġunijiet għaliex il-Programm ‘Community Relations’ hu daqshekk importanti għall-Bank. Aħna nemmnu li billi nagħtu s-sostenn tagħna lil inizjattivi bħal dan il-festival inkunu mhux biss qed niżguraw li l-gżejjer tagħna jkomplu jsiru iktar għonja f’attivitajiet ta’ livelli internazzjonali imma inkunu qed ngħinu biex min japprezzahom jgħin lill-ekonomija”. 
 
Attivitajiet oħra f’din l-edizzjoni ta’ Festival Mediterranea jinkludu produzzjoni oriġinali ta’ żfin tango, kunċert vokali bis-sehem tal-mezzo-sopran Rumena Oana Andra, kunċert bil-pjanu minn dak li hu meqjus bħala l-iżgħar pjanist dinji b’id waħda, Nicholas McCarthy, kunċert minn solisti tal-Banda Filarmonika La Stella, u l-Kunċert Grandjuż tal-Banda Filarmonika La Stella, minbarra numru ta’ żjarat u lectures
 
Festival Mediterranea jsir kull sena minn iktar minn 200 voluntier, bl-għajnuna ta’ ‘partners’ important bħal Bank of Valletta, li mingħajrhom ikun impossibbli li jiġu organizzati dawn it-tip ta’ attivitajiet.
 
Il-festival hu megħjun ukoll mill-Awtorità Maltija tat-Turiżmu, l-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta, il-Ministeru għal Għawdex, il-Ministeru tal-Finanzi, l-Ekonomija u l-Investiment, il-Kunsill Malti tal-Kultura u l-Arti u l-Kunsill Lokali tal-belt Victoria. 
 
Wieħed jista’ jikseb aktar informazzjoni billi jżur is-sit www.mediterranea.com.mt jew iċempel fuq 21550985 jew 79256897 jew fuq [email protected].