Join Us On:

News Archive

BANDISTI ŻGĦAŻAGĦ GĦAL MAWRA F’CORFU

Tard il-bieraħ filgħaxija grupp ta’ tnax-il bandist żgħażugħ mal-banda ċittadina La Stella ħallew gżiritna għal mawra ta’ ħamest ijiem ġewwa l-gżira mill-isbaħ ta’ Corfu. Din il-mawra qed tiġi organizzata u ssussidjata mis-Soċ. Filar. La Stella bħala inċentiv kif ukoll bħala turija ta’ apprezzament għall-impenn sħiħ li qed jagħtu dawn il-bandisti żgħażagħ tagħna b’risq il-banda – impenn li qed jeħduh bl-akbar responsabilita kemm fejn jidħlu s-servizzi li jkollna, kif ukoll fejn jidħol it-tagħlim tal-mużika ta’ kull ġimgħa. Fil-fatt dawn ilkoll, għalkemm kważi kollha ħarġu jdoqqu mal-banda, għadhom jattendu regolarment għal-lezzjonijiet tal-mużika li jsiru ta’ kull ġimgħa u qed juru progress ġmielu. Dan bla dubju huwa ta’ awgurju tajjeb għall-futur tal-banda tagħna. 

Il-grupp ser ikun akkumpanjat mill-President tas-Soċjetà l-Avukat Joseph Grech, mill-Viċi President Paul Zammit u mit-Teżorier George Cini. F’dawn il-ġranet il-grupp ser ikollu l-okkażjoni li jżur fost l-oħrajn Aqualand, Igumenitza Mainland Greece, il-gżira ta’ Paxos u l-belt ta’ Parga. Il-grupp ser jirritorna lura pajjiżna nhar it-Tnejn li ġej. Fil-ġranet li ġejjin inkomplu ngħaddulkom aktar tagħrif dwar din l-esperjenza mill-isbaħ li grupp ta’ bandisti żgħażagħ flimkien mal-membri tal-kumitat ser jgħaddu ġewwa l-gżira ta’ Corfu.

11.09.2008