ĦATRA IMPORTANTI GĦAS-SUR ANTOINE VASSALLO
Is-Soċjetà Filarmonika La Stella tilqa’ bi pjaċir il-ħatra tas-Sur Antoine Vassallo bħala President tal-Azzjoni Kattolika ta’ Għawdex.
Is-Sur Vassallo kien diġà attiv fl-Azzjoni Kattolika għal diversi snin. Huwa laħaq minflok is-Sur Emanuel Saliba, li ħalliena għall-arrieda xi ġimgħat ilu, u li kien ilu jokkupa din il-kariga għal diversi snin.
“Antoine”, kif magħruf minn dawk kollha li jafuh, huwa għalliem tal-accounts. Pero’ l-impenji tiegħu ma jiqfux hawn, għax Antoine huwa nvolut f’ħafna entitajiet speċjalment dawk li għandhom x’jaqsmu mal-volontarjat. Antoine jservi fuq diversi bordijiet governattivi kif ukoll f’kumitati li għandhom x’jaqsmu mal-NGOs u proġetti li għandhom x’jaqsmu m’Għawdex.
Fil-qasam ekkleżjastiku Antoine għandu interess speċjali. Dan jixdhu t-tagħlim li Antoine ħa kemm fil-qasam pastorali kif ukoll dak teoloġiku. B’rabta ma’ dan, l-Isqof Nikol Cauchi kien żammu viċin tiegħu f’diversi għaqdiet konsultattivi.
Naturalment fil-parroċċa ta’ San Ġorġ Antoine huwa nvolut f’ħafna kumitati u entitajiet. Fost dawn, Antoine huwa attiv fil-Kunsill Pastorali tal-parroċċa, fil-Kumitat Storiku Kulturali, kien involut kważi f’kull proġett li sar fil- knisja, għandu programmi regolari fuq Leħen il-Belt Victoria, huwa fil-bord editorjali tar-rivista bimensili “Il-Belt Victoria”, huwa awtur ta’ diversi artikli, fosthom dawk pubblikati fil-ktieb tal-festa ta’kull sena u ħafna nvolvimenti oħrajn.
Naturalment dan l-aħħar Antoine kien ferm attiv fil-Fundazzjoni Belt Victoria, li tagħha huwa chairman, kif ukoll Project Leader tal-proġett tal-mużew li qed jitlesta fi Pjazza San Ġorġ.
Is-Soċjetà Filarmonika La Stella hi kburija b’persuni li għandhom ideali komuni u li minn qribha jiġu msejħa biex joffru s-servizzi tagħhom lill- kommunità. Ċerti li l-esperjenza u l-kapaċitajiet tas-Sur Vassallo ser jissarfu f’ħidma pastorali ta’ kwalità fi gżiritna.