Join Us On:

News Archive

ĦARSA LURA LEJN L-2010 (2)

F’dan l-ewwel aġġornament tagħna għas-sena 2011, ser inkomplu fejn ħallejna fl-aħħar artiklu tagħna, fejn tajna ħarsa lejn dak kollu li għaddiet minnu s-Soċjeta’ tagħna matul is-sena li għadna kif temmejna. Fil-ġabra tal-lum ser nagħtu ħarsa lejn il-ġrajjiet li għaddejn minnhom minn Lulju, wara l-festa ta’ San Ġorġ Martri sal-aħħar tas-sena.

25 ta’ Lulju 2010: Il-banda ċittadina La Stella ħadet sehem fil-festa ta’ Santa Margerita, ta’ Sannat, fejn għamlet marċ qabel il-ħruġ tal-purċissjoni u mbagħad esegwiet programm mużikali fil-pjazza tar-raħal.
 
31 ta’ Lulju 2010: Il-banda La Stella għamlet marċ qasir u wara esegwiet programm mużikali fil-Qala’ fl-okkażjoni tal-festa ta’ San Ġużepp.
 
7 ta’ Awwissu 2010: Il-banda għamlet marċ brijuż f’San Lawrenz lejlet il-festa titulari. Fi tmiem il-marċ, il-banda daqqet l-innu l-kbir fuq il-planċier fil-pjazza ewlenija tar-raħal.
 
8 ta’ Awwissu 2010: F’jum il-festa ta’ San Lawrenz, il-banda esegwiet l-innu l-kbir f’ġieħ il-qaddis patrun tar-raħal, u eżatt wara bdiet programm mużikali taħt id-direzzjoni tas-surmast direttur il-Prof. Joseph Vella.
 
20 ta’ Awwissu 2010: Il-Grupp Folkloristiku Astra ħalla Malta għal mawra fil-Portugall fejn ħa sehem f’Festival folkloristiku internazzjonali ġewwa l-belt ta’ Faro. Il-Grupp ħa sehem ukoll f’żewġ festivals internazzjonali oħra, li kienu l-Luz de Tavira Festival fil-Portugall, u festival folkloristiku fVillablanca, fi Spanja.
 
21 ta’ Awwissu 2010: Fl-okkażjoni tal-festa ta’ Santa Marija, iċċelebrata fir-raħal taż-Żebbuġ, il-banda La Stella esegwiet programm mużikali fil-pjazza tar-raħal, lejlet il-festa.
 
28 ta’ Awwissu 2010: Il-banda ċittadina La Stella għamlet marċ qasir u wara esegwiet programm mużikali fil-pjazza ewlenija ta’ Għajnsielem lejlet il-festa tal-Madonna ta’ Loreto. 
 
10 ta’ Settembru 2010: Saret ikla ta’ ringrazzjament għall-bandisti, membri tal-kumitat ġenerali u sotto-kumitati fiċ-ċentru parrokkjali ta’ San Ġorġ, ġentilment offruta mill-Arċipriet tal-parroċċa ta’ San Ġorġ, Mons. Paul Cardona.
 
15 ta’ Settembru 2010: Delegazzjoni mmexxija mill-President tas-Soċjeta’, is-Sur Paul Zammit, attendiet għall-funeral tal-vittmi tal-Kamra tan-Nar ta’ Farrugia Brothers li sar fil-Fontana.
 
27 ta’ Settembru 2010: Saret konferenza tal-aħbarijiet ġewwa l-kwartieri ġenerali tal-Bank of Valletta dwar id-disa’ edizzjoni ta’ Festival Mediterranea. Il-konferenza ġiet indirizzata minn Michael Formosa (Chairman Festival Mediterranea); Prof. Joseph Vella (Direttur Mużikali) u Tonio Depasquale (Kap Eżekuttiv BOV). 
 
9 ta’ Ottubru 2010: Ġiet organizzata ‘Lejla Maltija’ fi Pjazza San Ġorġ, mill-Għaqda tal-Armar, bil-parteċipazzjoni tal-Grupp Folkloristiku Astra.
 
28 ta’ Ottubru 2010: Ngħata bidu għal Festival Mediterranea 2010 bl-ewwel rappreżentazzjoni tal-opra La Traviata fit-Teatru Astra bis-sehem ta’ Miriam Cauchi (Violetta); Alessandro Liberatore (Alfredo) u Marco Chingari (Germont), l-Orkestra Filarmonika Nazzjonali u l-Kor tal-Opra tat-Teatru Astra (dir: Dr Maria Frendo). Direzzjoni Artistika ta’ Marco Gandini u direzzjoni mużikali tal-Prof. Joseph Vella.
 
30 ta’ Ottubru 2010: Festival Mediterranea: Saret it-tieni rappreżentazzjoni tal-opra La Traviata fit-Teatru Astra.
 
31 ta’ Ottubru 2010: Festival Mediterranea: Kunċert minn Fodera Piano Duo fl-Aula Mons. Farrugia.
 
1 ta’ Novembru 2010: Festival Mediterranea: “The Archaeologist Speaks”  Lekċer minn Dr David Trump fl-uffiċju tal-Heritage Malta f’Għawdex.
 
2 ta’ Novembru 2010: Festival Mediterranea: Dr David Trump mexxa żjara fl-Ipoġew ta’ Ħal-Saflieni.
 
3 ta’ Novembru 2010: Festival Mediterranea: Ġiet organizzata dawra m’Għawdex fejn dawk li attendew raw kif isiru l-ġbejniet t’Għawdex, kif iż-żebbuġ isir żejt, fejn jiġi kkultivat il-faqqiegħ u fejn il-melħ tradizzjonali abjad jiġi mkabbar.
 
4 ta’ Novembru 2010: Festival Mediterranea: Dr David Trump mexxa żjara oħra fl-Ipoġew ta’ Ħal-Saflieni.
 
5 ta’ Novembru 2010: Festival Mediterranea: Ġiet organizzata żjara fit-tempji tal-Ggantija fix-Xagħra mmexxija minn Dr David Trump.
 
5 ta’ Novembru 2010: Festival Mediterranea: Ittellgħet “Trojan Women” ta’ Euripides fit-Teatru Astra, produzzjoni tal-Gozo Creative Theatre – direzzjoni ta’ George Mizzi.
 
5 ta’ Novembru 2010: Fl-okkażjoni tal-festa ta’ Santa Ċeċilja, l-Għaqda Każini tal-Baned stiednet lill-banda tagħna biex tagħmel marċ brijuż wara quddiesa mmexxija minn Mons. Mario Grech, Isqof t’Għawdex fil-bażilika ta’ San Ġorġ.
 
6 ta’ Novembru 2010: Festival Mediterranea: Half Day Seminar bit-tema: The Mystery of the Cart-ruts and the many questions they pose, fis-sala tal-konferenzi fil-Ministeru għal Għawdex.
 
6 ta’ Novembru 2010: Festival Mediterranea: Kunċert minn solisti u brass ensemble tal-banda tagħna fl-Awla Mons. Farrugia.
 
7 ta’ Novembru 2010: Festival Mediterranea: Sar kunċert mis-sopran Letizia Colajanni u t-tenur Leonardo Alaimo fl-Awla Mons. Farrugia.
 
13 ta’ Novembru 2010: Festival Mediterranea: Ġiet organizzata żjara fl-għelieqi tad-dwieli ta’ San Mitri – Tal-Massar fl-Għarb.
 
13 ta’ Novembru 2010: Festival Mediterranea: Fit-teatu Astra ttella’ l-ispettaklu ta’ żfin “Truly Unforgettable” mill-kumpanija taż-żfin Centre Stage – direzzjoni: Nathalie Sciortino.
 
17 ta’ Novembru 2010: Delegazzjoni mill-kumitat ġenerali mmexxija mill-President is-sur Paul Zammit, attendew għall-funeral tal-E.T. l-Isqof Emeritu Nikol Ġ. Cauchi li sar fil-Katidral t’Għawdex.
 
20 ta’ Novembru 2010: Programm mużikali annwali mill-banda ċittadina La Stella fit-Teatru Astra. F’dan il-programm mużikali li fakkar l-erbgħin anniversarju tal-Prof Joseph Vella bħala direttru mużikali tas-Soċ. Filar. La Stella, il-banda esegwiet xogħlijiet mużikali mill-pinna ta’ Wagner; Deronge; De Haan; u Verdi. F’dan il-kunċert il-banda esegwiet ukoll il-Capriccio Espagnol ta’ Rimsky-Korsakov, li ndaqq għall-ewwel darba f’Għawdex, kif ukoll il-kompożizzjoni tas-surmast Vella, Ludus Tonalis li nkitbet għall-okkażjoni.
 
24 ta’ Novembru 2010: Ngħata bidu għall-festival internazzjonali tal-folklor: FolkGħabex organizzat mill-Grupp Folkloristiku Astra f’għeluq l-erbgħin anniversarju mill-bidu tiegħu. F’dan il-festival ħadu sehem ukoll gruppi oħra mill-Italja, mir-Repubblika Ċeka u mill-Portugall.
 
27 ta’ Novembru 2010: Fit-Teatru Astra ttella’ l-ispettaklu folkloristiku L-Għabex bis-sehem tal-Grupp Folkloristiku Astra u gruppi oħra barranin mistednin għall-festival FolkGħabex.
 
4 ta’ Diċembru 2010: Grupp ta’ bandisti żgħażagħ daqqew għadd ta’ carols fi Pjazza San Ġorġ, fejn ġie organizzat Christmas Village fuq inizjattiva tal-Kunsill Lokali.
 
7 ta’ Diċembru 2010: Il-banda La Stella ħadet sehem fid-dimostrazzjoni bl-istatwa tal-Immakulata Kunċizzjoni bid-daqq ta’ marċi brijużi madwar it-toroq ta’ beltna.
 
8 ta’ Diċembru 2010: Il-banda La Stella sellmet lill-Immakulata Kunċizzjoni bid-daqq tal-innu Lodate Maria ta’ G. Flamingo, waqt il-ħruġ tal-purċissjoni tagħha mill-knisja ta’ San Franġisk, u wara akkumpanjat l-istess purċissjoni bid-daqq ta’ marċi reliġjużi u innijiet Marjani, madwar it-toroq ewlenin tal-belt Victoria.
 
18 ta’ Diċembru 2010: Fuq inizjattiva tal-Kunsill Lokali ta’ beltna, il-banda tagħna tellgħet kunċert tal-Milied fi Pjazza Indipendenza taħt id-direzzjoni tas-surmast direttur, il-Prof. Joseph Vella.
 
30 ta’ Diċembru 2010: Fit-Teatru Astra ttella’ mill-ġdid, fuq talba ġenerali, l-ispettaklu “Truly Unforgettable” minn Centre Stage Dance Academy taħt id-direzzjoni ta’ Nathalie Sciortino.