AKTAR PREPARAMENTI GĦALL-FESTIVAL
Aktar ma toqrob id-data tal-ftuħ tal-Festival Mediterranea 2011, jiżdiedu l-impenji minn kull naħa tas-Soċjetà, kumitat organizzattiv u partitarji.
Naturalment l-ewwel appuntament huwa dak tal-opra lirika Norma, li bħalma tafu titlob ħafna xogħol bħalma ġa ktibna bnadi oħra. Il-preparazzjoni titlob dedikazzjoni minn ħafna nies li kważi kollha jaħdmu b’mod volontarju. Il-Każin bħalissa fih ħafna attivitajiet ta’ preparazzjoni għaddejjin fl-istess ħin. Xogħol fuq ix-xenarju, fuq il-kostumi, fuq il-palk, tindif, u xogħol ieħor fil-Foyer tat-Teatru. Bdew ukoll il-provi mad-direttur artistiku li jinsab fostna. Il-provi tal-kor ilhom ħafna li bdew u issa l-membri ingħaqdu mal-bqija tal-cast.
Wieħed irid japprezza wkoll li jsir ħafna xogħol ieħor minn membri li ma jkunux jidhru fosthom l-organizzazjoni loġistika, relazzjonjiet pubbliċi, reklamar, ritratti u filmati, pubblikazzjonjiet dwar il-festival, internet u ħafna affarijiet oħra simili.
Fl-opra din is-sena se jkollna sopran ta’ fama internazzjonali, il-Griega Dimitra Theodossiou, li fil-preżent hija meqjusa bħala l-aħjar waħda għall-opra Norma.
Norma se tiġi rappreżentata darbtejn, il-Ħamis, 17 u s-Sibt, 29 ta’ Ottubru. Biex wieħed jibbukkja jista’ jċempel fuq 21550985 jew 79256897, jew jikteb fuq [email protected]. Aktar informazzjoni tista’ tinkiseb fuq is-sit elettroniku www.mediterranea.com.mt.