Join Us On:

News Archive

AD MULTOS ANNOS!!

Is-Soċjetà Filarmonika La Stella, tixtieq tifraħ lil tliet saċerdoti mill-Parroċċa ta’ beltna – tnejn minnhom qed ifakkru 50 sena u l-ieħor 25 sena mill-ordinazzjoni presbiterali tagħhom. Il-Kan. George Debrincat u l-Kan. Ġwann Mercieca, għalqu 50 sena saċerdoti, u ċċelebraw dan l-anniversarju tant speċjali, nhar il-Ħadd l-1 ta’ Lulju, f’quddiesa pontifikali mmexxija mill-Arċisqof Emeritus tad-Djoċesi ta’ Malta, Mons. Ġużeppi Mercieca, saċerdot mill-Parroċċa tagħna, li jiġi wkoll ħu l-Kan. Ġwann Mercieca. Il-Kan Debrincat, u Kan. Mercieca ġew ordnati saċerdoti fl-1957, mill-Isqof ta’ dak iż-żmien, Mons. Ġużeppi Pace. Dun Ġwann Mercieca laħaq kanonku tal-Kolleġġjata Ġorġjana fl-1976 mill-Isqof Mons. Nikol Ġ. Cauchi, filwaqt Dun George Debrincat laħaq kanonku ħames snin ilu mill-istess Isqof.

Illum saċerdot ieħor mill-parroċċa tagħna qed jiċċelebra l-25 anniversarju mill-ordinazzjoni tiegħu. Dan huwa Dun George Frendo, saċerdot ferm ħabrieki fil-parroċċa tagħna, b’mod speċjali fit-tmexxija tal-Kor tal-Parroċċa, il-Kor “Laudate Pueri”. Huwa ser ifakkar dan l-anniversarju f’quddiesa oħra pontifikali ġewwa l-bażilika ta’ San Ġorġ li ser issir proprju llum fl-10.00am. Il-quddiesa bla dubju ser tkun animata mill-kor “Laudate Pueri”, il-kor li Dun Ġorġ ilu jmexxi sa mill-bidu tal-fondazzjoni tiegħu fl-1976. F’din l-okkażjoni ser tiġi kantata “Missa Papae Marcelli” ta’ Giovanni Pierluigi da Palestrina. Dun George Frendo, jagħti sehem kbir ukoll fit-Teatru Astra, fejn flimkien ma’ oħtu Dr Maria Frendo, u l-Prof Joseph Vella, jagħmlu xogħol impekkabbli fil-preparamenti u fil-produzzjoni ta’ l-opri liriċi li jittellgħu fit-teatru tagħna ta’ kull sena.

Filwaqt li nirringrazzjaw lil dawn is-saċerdoti għal dak kollu li għamlu b’risq il-Parroċċa ta’ beltna u b’risq is-Soċjetà mużikali tagħna, minn qalbna nawgurawlhom f’dan l-anniversarju tant għażiż. AD MULTOS ANNOS!

F’din l-okkażjoni għandna poeżija miktuba mill-Kav. Joe M. Attard, b’dedika għal dawn it-tliet saċerdoti. Din l-istess poeżija ġiet ippubblikata fl-ktieb tal-festa ta’ din is-sena.

AD MULTOS ANNOS

Minn qiegħ qalbi jien xtaqt nifraħ
Lil tliet saċerdoti tagħna
Illi ta’ kuljum dlonk nilmaħ
F’dawn l-inħawi jduru magħna.

Tnejn minn dawn qegħdin ifakkru
Ħamsin Sena qassisin!
Min jaf kemm ġid għamlu fostna
Mal-meddiet ħelwa tas-snin.

Wieħed hu Dun Ġwann Mercieca,
L-ieħor Dun Ġorġ Debrincat –
F’dawn il-ġranet ibqgħu ċerti
Li qegħdin fuq fomm kulħadd.

Dawn it-tnejn trabbew u kibru
Ftit passi minn bogħod xulxin;
Għad-dell tal-kbir martri Gorġi –
Il-‘mimmi’ ta’ tant Għawdxin.

Il-Ġublew tal-Fidda jfakkar
Dun Ġorġ Frendo, is-saċerdot,
Li minn xħin għajnejh hu bexxaq
Lil ‘ta’ Lydda’ ħabb b’kull mod.

Nieħu gost lil Dun Ġorġ nisma’
Iwasslilna l-Omelija,
U nistqarr xejn ma niddejjaq
Kieku kellha tieħu siegħa!

Ta’ spiss lill-Parroċċa jżejjen
Bil-kor u bil-kant sabiħ;
F’San Ġorġ qisna dejjem festa –
L-għors taż-żgħir w anke tax-xiħ.

Ma xtaqtx illi nħalli barra
Lil ħabibna il-Maġġur;
Li ukoll Ħamsin qed jagħlaq;
Lilu wkoll – l-isbaħ futur!

Għal żmien twil minn hawn kien tbiegħed
Iżda ‘l Ġorġi ma nsieh qatt!
U fost il-benefatturi
Ismu żgur ma jħassru ħadd!

Lil dawn ħutna nifirħulhom
U nitolbu dlonk għalihom
Biex fi ħnientu l-Mulej lilhom
Saħħa w għomor Hu jagħtihom.

Kav Joe M Attard
27-VI-2007

(ritratt: Joe Attard)