“ILĦNA MITLUFA” FIT-TEATRU ASTRA
Ilħna Mitlufa jista’ jiġi deskritt bħala teatru mużikali msejjes fuq snin sħaħ ta’ ħsieb u riċerka kontinwa li Andrew Alamango għamel fit-tradizzjoni tal-għana. Huwa jistqarr li l-ispettaklu jippreżenta l-istorja tal-wirt ta’ tradizzjoni orali li għaddiet minn ġenerazzjoni għal oħra u li llum waslet għandna bħala l-espressjoni prinċipali tal-Maltin.
Hija esperjenza li se toħodna fuq vjaġġ li jirrakkonta l-istorja tagħna. Mhux sempliċiment nisimgħu rakkonti dwar il-passat imma saħansitra ngħixuhom bl-ilħna tal-passat, l-ilħna tal-għana. Bil-ħolqien ta’ din il-produzzjoni, Alamango qed jipprova jkattar apprezzament tal-kultura u t-tradizzjoni tagħna għalina nfusna. L-għan huwa r-rikonoxximent tal-għannej, passat u preżent, u għar-rwol tiegħu fis-soċjetà. It-tama li l-Maltin u l-Għawdxin ma jwarrbux it-tradizzjonijiet tagħhom għax dawn jagħmluna min aħna. Minflok għandna ninvestigaw drawwietna biex insiru u nibqgħu nafuhom u ntejbuhom. Dawn it-tradizzjonijiet huma aħna, dawn l-ilħna huma l-ilħna tagħna.
Għalkemm Ilħna Mitlufa hija performance bil-Malti, dwar tradizzjoni totalment Maltija, mhijiex immirata biss għall-Maltin u l-Għawdxin. Il-maġġoranza tan-nies, huma minn fejn huma, jistgħu jirrelataw mal-istorja b’xi mod jew ieħor għax, għalkemm tingħad fis-sura tradizzjonali tal-kant u l-poeżija, hija storja universali. Għaldaqstant se jkun hemm is-sottotitoli bl-Ingliż u għandu jkollha appell fuq livelli differenti għal nies differenti. Il-ħsieb huwa wkoll li jista’ jkun hemm xi ħaġa valida mużikalment u ta’ kwalità għolja, anki jekk mhux bilfors fil-forma ta’ kunċert. Il-qofol tal-messaġġ joħroġ permezz tal-esibizzjoni, id-drammaturġija, il-vuċijiet, l-istampi u r-reġistrazzjonijiet.
Bil-parteċipazzjoni ta’ tliet għannejja bravi, Anglu Theuma ‘Il-Kina’, Mikiel Cumbo ‘L-Izgej’, u l-grazzjuża Mariele Zammit, flimkien mal-prim gitarrist Johnny Grima ‘Tal- Belt’ akkumpanjat minn George Aquilina ‘Nofs il-Lejl’ u Andrew Alamango nnifsu, Ilħna Mitlufa tistaqsina x’se nkantaw meta titweldilna t-tarbija u x’se nkantaw meta nħossu d-dieqa tan-nuqqas tal-maħbubin tagħna. Kif se nesprimu x-xenqa għall-art mitlufa fejn trabbejna? Ilħna Mitlufa hi ċelebrazzjoni u vjaġġ mużikali li jfittex il-leħen li xi darba kellna, il-leħen ta’ dawk li ġew qabilna biex jesprimu l-biżgħat u l-ferħ ta’ kuljum. L-għan hu li nżommu t-tradizzjoni tagħna ħajja u li ningħaqdu flimkien fil-għana.
Din il-produzzjoni li nibtet is-sena li għaddiet, hija parti mir-repertorju turistiku ta’ Teatru Malta għall-2019. Se tintwera darba waħda biss, fit-Teatru maestuż tal-Astra, Victoria, fil-gżira ta’ Għawdex, nhar is-Sibt 5 ta’ Mejju.
Għal biljetti tal-5 euro u aktar tagħrif dwar Ilhna Mitlufa żur teatrumalta.org.mt jew ċempel 21220255.