ĠBIR TA’ AKTAR MATERJAL STORIKU
Għeżież bandisti, soċji u partitarji tal-Istilla,
L-istqarrija li xandarna fit-23 t’April dwar ir-riċerka li tinsab għaddejja bħalissa fuq l-istorja tas-Soċjetà Filarmonika La Stella jidher li niżlet ferm tajjeb ma’ diversi nies, speċjalment tal-partit tagħna, tant li xi persuni waslu biex avviċinaw minn jeddhom lil xi wħud minna sabiex ikunu jistgħu jgħaddu reġistri qodma li eventwalment irriżultaw li għandhom rilevanza mhux żgħira għall-istorja tas-Soċjetà La Stella. Biżżejjed ngħidu li d-dokumentazzjoni li waslitilna f’dawn l-aħħar ġimgħat ġabitna wiċċ imb’wiċċ ma’ elementi ġodda li se jkomplu jitfgħu aktar dawl fuq ġrajjet is-Soċjetà tagħna.
Għalkemm kellna ġa indikazzjonijiet li seta’ u jista’ jkun hemm xi affarijiet ta’ profil storiku fid-djar tan-nies, qatt ma bsarna li l-istqarrija li ħriġna f’dan ir-rigward kienet sejra tqanqal interess daqstant kbir.
Għaldaqstant, konxji mill-fatt li xi materjal li kapaċi jkun ta’ siwi kbir għall-istħarriġ tal-istorja tas-Soċjetà tagħna jista’ jinsab għand il-privat, b’mod speċjali dokumenti li xi darba kienu propjetà tas-Soċjetà u li maż-żmien spiċċaw jiġru fl-idejn, permezz ta’ din l-ittra ċirkulari nixtiequ tabilħaqq nagħmlu appell ħerqan lil dawk kollha ta’ rieda tajba – partitarji u mhumiex – sabiex jekk jaħsbu li għandhom xi ħaġa li tista’ tgħinna nkomplu niskopru u nibnu l-istorja tas-Soċjetà Filarmonika La Stella, ġentilment nitolbuhom sabiex jekk jogħġobhom jgħadduhielna ħalli b’hekk tkun tista’ tiġi evalwata kif mistħoqq.
Filwaqt li rroddulkom ħajr bil-quddiem tal-koperazzjoni tagħkom, nibagħtulkom it-tislijiet tagħna.
Il-Kumitat Ġenerali
Soċjetà Filarmonika La Stella