Join Us On:

News Archive

IL-BANDA LA STELLA TIEĦU SEHEM FIL-ĠIMGĦA L-KBIRA

Il-Banda Ċittadina La Stella il-bieraħ ħadet sehem f’dik li hi l-eqdem purċissjoni tal-Ġimgħa l-Kbira, f’Għawdex, purċissjoni li żammet l-element devozzjonali u tradizzjonali tagħha matul is-snin.  Din is-sena nistgħu ngħidu li għal darba oħra kienet suċċess kbir u kien hawn ħafna nies matul it-triq kollha tagħha, speċjalment il-ħruġ mill-Bażilika ta’ San Ġorġ, kif ukoll id-dħul solenni.
 
Il-Banda tagħna matul il-purċissjoni daqqet diversi marċi miċ-CD il-ġdid ta’ marċi funebri. liema CD jinsab għall-bejgħ mill-Kazin La Stella.  Il-Banda kienet immexxija mill-President tas-Soċjetà is-Sur Paul Zammit kif ukoll diversi membri tal-kumitat amministrattiv flimkien mas-Surmast Prof. Joseph Vella.
 
Bħas-soltu matul il-purċissjoni kien hemm diversi nies li ħadu sehem billi kaxkru l-ktajjen u oħrajn li refgħu slaleb tal-injam.  Fl-istess purċissjoni żżanżnet vara ġdida tal-propra, xogħol fl-injam ta’ Michael u ibnu Adonai Camilleri Cauchi. 
 
Fil-purċissjoni ħadet sehem ukoll il-banda Konti Ruġġieri tar-Rabat, Malta, li daqqet repertorju ta’ marċi funebri mill-arkivji mużikali tagħha.
 
L-impenji tas-Soċjetà jkomplu għada bis-sehem fid-dimostrazzjoni reliġjuża ta’ Kristu rxoxt li toħroġ mill-istess Bażilika u filgħaxija jibdew l-impenji għal din is-sena f’parroċċi oħra peress li l-Banda takkumpanja l-irxoxt tal-parroċċa qrib ħafna tagħna, dik tal-Qalb Ta’Ġesu tal-Fontana.