Join Us On:

News Archive

IL-FESTA TAL-GĦAWDXIN

Il-festi tant mistennija f’ġieħ il-Kbir Martri San Ġorġ għaddew, iżda l-memorji ta’ festa oħra ferm grandjuża għadhom hemm u jibqgħu. Il-festi laħqu l-qofol tagħhom il-ġimgħa li għaddiet, għalkemm irridu nfakkru li l-programm tal-festa kien ilu żmien sew li fetaħ bit-tnax-il edizzjoni tal-Victoria International Arts Festival imtella’ għal darb’oħra b’suċċess mill-Parroċċa ta’ San Ġorġ. Illum ser nagħtu ħarsa lejn diversi elementi li fuqhom inbena s-suċċess ta’ din is-sena; suċċess li nbena fuq żewġ pilastri kbar mill-aktar sinonimi: il-bażilika proto-parrokkjali ta’ San Ġorġ u s-Soċ. Filar. La Stella, li sa mill-1882 ħadmu katina u dejjem ħarsu l-interessi ta’ xulxin. Fuq din l-għaqda jinbena s-suċċess; suċċess li sena wara sena jkompli jikber u jissaħħaħ.

Il-Victoria International Arts Festival
Dan il-festival wasal fit-tnax-il sena tiegħu. Dan il-festival prestiġjuż li llum kiseb post fiss fil-kalendarju kulturali ta’ pajjiżna fetaħ fl-10 ta’ Ġunju u ntemm b’kunċert grandjuż fil-bażilika fit-13 ta’ Lulju – ħames ġimgħat ta’ attivitajiet kulturali u kunċerti li laqqgħuna ma’ artisti minn pajjiżna; u minn diversi pajjiżi oħra Ewropej fosthom: ir-Renju Unit; l-Italja; Franza; in-Norveġja; l-Olanda; il-Ġermanja; l-Ukrajna; il-Fillandja; ir-Repubblika Ċeka; l-Awstrija u s-Sirja. M’hemmx dubju li f’dawn il-ħames ġimgħat beltna nbidlet fil-kapitali kulturali Maltija. 

Il-Festi interni
Iċ-ċelebrazzjonijiet interni fil-bażilika fetħu bid-disa’ Ħamisijiet ta’ San Ġorġ u komplew bin-Novena li din is-sena ttellgħet b’mod differenti fejn wara kull quddiesa tan-Novena ttella’ dramm fuq il-ħajja ta’ San Ġorġ (kitba: Mons. Salv Borg; direzzjoni: Antonella Zammit). Il-festi komplew biċ-ċelebrazzjoni ta’ radd il-ħajr ta’ Mons. Alfred Xuereb, ġimgħa qabel il-festa, fejn flimkien iċċelebrajna l-Ġublew Presbiterali tal-fidda. Matul il-jiem tat-Tridu, spikkaw il-priedki tal-Kan. Karm Refalo, arċipriet tal-bażilika tax-Xagħra li ntlaqgħu ferm tajjeb. Fl-aħħar jum tat-Tridu rridu nsemmu wkoll il-funzjoni liturġika li fiha ġew onorati l-Kanonċi l-ġodda tal-Kolleġġjata Ġorġjana. F’dawn il-jiem u anke fl-aħħar jumejn tal-festa, spikkaw bla dubju ta’ xejn il-kompożizzjonijiet ta’ Mons. Ġużeppi Farrugia u l-Prof. Joseph Vella, maestro di cappella – mużika mill-aqwa li żgur tikkumplimenta ferm tajjeb maċ-ċelebrazzjonijiet liturġiċi li jsiru fil-maqdes Ġorġjan.

L-Armar
L-Għaqda tal-armar għal sena oħra libset l-isbaħ libsa lit-triqat u l-pjazez ewlenin ta’ beltna għall-jiem tal-festa Ġorġjana. Minbarra l-lista twila ta’ armar ġdid u armar ieħor restawrat, grazzi għal sena sħiħa ta’ ħidma, din is-sena kellna x-xorti naraw l-ewwel parti tax-xogħol prinċipali li matul il-ħames snin li ġejjin din l-għaqda ser tkun qed taħdem: il-Planċier ta’ Pjazza San Ġorġ. Din is-sena tlestiet il-bażi tiegħu, u b’hekk seta’ jintrama fil-pjazza tagħna. Il-ħidma fuqu kif diġa’ semmejna hija mifruxa fuq ħames snin u hawn nerġgħu nagħmlu l-appell tagħna għal kull għajnuna finanzjarja li bla dubju tgħin mhux ftit biex dan il-proġett ferm ambizzjuż jitlesta u b’hekk inkompli nżidu mal-armar ferm lussuż li ngawdu fil-festa tagħna.

It-Tiġrijiet Tradizzjonali
Hawn ukoll wieħed irid jifraħ lis-sotto-kumitat fi ħdan is-Soċ. Filar. La Stella responsabbli minn dan l-avveniment li llum huwa wieħed mill-aktar popolari fi gżiritna. Għal darb’oħra assistejna għal 32 tiġrija fit-triq ewlenija ta’ belna li kien ippakkjata bin-nies minn fuq s’isfel tagħha. In-nies tiġi u tibqa’ tiġi, meta avveniment ikun organizzat bl-aħjar mod. L-esperiment ta’ tliet snin ilu rnexxa ferm u issa rridu nkomplu naħdmu biex kull sena ntejbu l-livell, avolja rridu nistqarru li l-livell diġa’ huwa wieħed għoli ħafna.

Wirjiet Pirotekniċi
Din is-sena wkoll, l-Għaqda tan-Nar ħasbet li ttella’ spettaklu pirotekniku mill-aqwa li jikkumplimenta tajjeb mal-festi kbar f’ġieħ San Ġorġ Martri. Din is-sena wkoll, ix-xogħol ewlieni nħadem il-kamra tan-nar ta’ Fontana Brothers, mill-membri tal-għaqda tagħna, mgħejjuna mill-membri ta’ din i-kamra tan-nar. Kellna wkoll wirjiet mill-isbaħ mill-kamra tan-nar ta Lourdes tal-Qrendi, li jgawdu isem kbir f’Malta. Hawn irridu nieħdu l-okkażjoni biex nsellmu u nirringrazzjaw lill-membri tal-għaqda tan-nar li ma jistgħux igawdu kif jistgħu l-festa tagħna, peress li jkunu qed jaħarqu n-nar mill-għolja ta’ Gelmus. Minn din il-paġna nixtiequ nuru l-apprezzament tagħna għall-ħidma kbira tagħhom.

Sehem il-banda La Stella u d-disa’ baned mistiedna
Fil-festa ta’ din is-sena reġa’ kellna numru kbir ieħor ta’ baned mistiedna (sitta Għawdxin u tlieta Maltin), li flimkien mal-banda dekana La Stella ferħuna matul il-ġranet tal-festa. Sehem il-banda La Stella kien wieħed impekkabbli b’xejn inqas minn  tmien servizzi. Il-banda dekana li l-impenji tagħha ma jieqfu qatt matul is-sena, żanżnet sett ieħor ta’ marċi brijużi li ġew ukoll irrekordjati fuq CD (Vol.21) bl-isem Protettur ta’ Beltna. Dawn il-marċi ndaqqu mid-dimostrazzjoni tal-ewwel jum tat-tridu u jibqgħu jindaqqu sal-festa tas-sena d-dieħla. Il-baned kollha għandhom sehem ewlieni fil-festa tagħna u kif seta’ jara kull min attenda, ħolqu briju kbir matul il-ġimgħa kollha tal-festa. Forsi jekk wieħed idur sew il-festi fi gżiritna jinnota l-briju jinħoloq l-aktar il-Ħadd filgħodu. Fil-festa tagħna l-briju beda mit-Tlieta filgħaxija bl-ewwel dimostrazzjoni u baqa’ sejjer nistgħu ngħidu sal-marċ tal-aħħar li għalaq dawn il-festi kbar f’beltna; briju eżemplari, nadif u ferm matur li fiċ-ċentru tiegħu jibqa’ bħalma dejjem kien San Ġorġ Martri.

Pubblikazzjonijiet
Il-pubblikazzjoni prinċipali tal-festa, jew aħjar il-ktieb tal-festa ppubblikat mis-Soċ. Filar La Stella, ħareġ fil-bidu tal-ġimgħa tal-festa. Din is-sena wieħed seta’ jinnota qabża kbira fil-kwalita’, grazzi għall-qoxra mill-aktar attraenti, li fiċ-ċentru tagħha ma naqasx li jkun hemm San Ġorġ, u anke għas-sistema ta’ binding li wżajna. Għall-ewwel darba fejn jidħlu kotba tal-festi f’Għawdex introduċejna s-sistema ta’ perfect binding. Il-kotba ntlaqgħu tajjeb ħafna, u rċivejna bosta kummenti pożittivi dwaru. Iżda l-ktieb tal-festa mhux biss il-qoxra u l-binding tiegħu. F’aktar minn 150 paġna kellna ġabra ta’ artikli b’suġġetti varji: dwar San Ġorġ; il-bażilika; is-Soċjeta’ La Stella, storja etċ. Bla dubju ma naqsux il-messaġġi ta’ Mons. Isqof, l-Arċipriet, il-President tas-Soċjeta’ u d-Direttur Spiritwali, poeżiji, kif ukoll id-djarju tas-Soċjeta’. Dawk li għadhom ma akkwistawx kopja jistgħu jagħmlu dan mill-uffiċċju amministrattiv, fil-każin La Stella. 

Il-Website
L-irwol ta’ din il-website kien wieħed fundamentali f’dawn il-ġranet b’mod speċjali ma’ ħutna l-emigranti u anke dawk sħabna li ma setgħux igawdu l-festa minn barra. Minbarra l-aġġornamenti regolari b’numru kbir ta’ ritratti, grazzi għall-fotografu Joe Attard, din is-sena introduċejna wkoll il-live streaming, fejn wieħed seta’ jara b’mod dirett iċ-ċelebrazzjonijiet b’mod partikolari fi Triq ir-Repubblika u quddiem il-każin La Stella. M’hemmx dubju li sena oħra ser inkomplu nibnu fuq is-suċċess ta’ din is-sena biex nibqgħu nwasslu l-aħjar servizz mhux biss matul il-jiem tal-festa, imma matul is-sena kollha. Nilqgħu kull suġġeriment fuq [email protected] .

Konklużjoni
Issa li ntemm kollox, ħarsitna tmur mal-ewwel lejn Lulju 2010. Ħidmietna tibda minn issa biex nassiguraw li jkollna festa akbar. Għalissa xieraq ukoll li napprezzaw kull ħidma li saret biex organizzajna festa oħra li bla dubju hija mudell għal festi oħra fi gżiritna. Dan ma ngħiduhx aħna, iżda jgħiduh il-mijiet ta’ Maltin u Għawdxin li żaruna matul il-ġimgħa kollha tal-festa u qattgħu magħna l-isbaħ mumenti li toffri l-festa tagħna. Tibqa’ mudell, għaliex hija festa li tilqa’ u li tgħaqqad. Hija l-festa tal-Għawdxin kollha mhux tagħna l-Ġorġjani biss għaliex San Ġorġ huwa l-protettur ta’ din il-gżira; il-protettur setgħan li lejh resaq il-poplu kollu f’kull mument diffiċli li għaddiet minnu l-gżira ċkejkna tagħna. Nifirħu għax tassew għandna biex, fl-istess waqt nibqgħu naħdmu u ntejbu dak li hu tagħna sabiex il-festa ta’ San Ġorġ f’beltna tibqa’ bħala r-regola tal-festi fuq bażi nazzjonali.

Appuntament għal Lulju 2010!