Join Us On:

News Archive

FESTA TA’ BANED!

Il-festi kbar li ser jiġu ċċelebrati f’beltna f’ġieh il-Megalomartri San Ġorġ, ser ikunu kkaratterizzati minn numru kbir ta’ baned parteċipanti. Minbarra l-banda dekana, ser jieħdu sehem xejn inqas minn ħdax-il banda oħra. Minn dawn il-baned, ħamsa minnhom ġejjin minn Malta u l-oħrajn mill-gżira Għawdxija. Il-banda ċittadina ‘La Stella’ ser tiftaħ il-festi esterni b’marċ brijuż nhar it-Tlieta li ġej fl-okkażjoni tal-ħruġ min-niċċa ta’ l-istatwa titulari. Minn dakinhar il-marċi fit-toroq tagħna ma jiqfux! Din is-sena għall-ewwel darba fil-festa tagħna u nistgħu ngħidu wkoll, għall-ewwel darba f’festa f’pajjiżna ser ikollna xejn inqas minn erba’ dimostrazzjonijiet bis-sehem ta’ ħames baned differenti flimkien mal-banda ‘La Stella’. Ser ikollna fostna b’differenza mis-snin l-imgħoddija lill-banda Santa Katarina taż-Żurrieq, li ser tieħu sehem fid-dimostrazzjoni l-ġdida tal-Ħamis bl-istatwa ta’ San Ġorġ Patrun t’Għawdex li ser tilħaq il-qofol tagħha fi Pjazza Savina. Barra din il-banda, il-baned l-oħra kollha pparteċipaw f’festi preċedenti. Ta’ min isemmi li l-banda ‘Mnarja’ tan-Nadur ser tieħu sehem f’żewġ okkażjonijiet tul il-festa. Il-banda dekana ser tkun impenjata fi tmien okkażjonijiet f’din il-ġimgħa tal-festa, u l-uniku ġurnata ta’ mistrieħ għall-bandisti tagħna ser tkun dik tal-Ħamis bħalma ġara f’dawn l-aħħar snin. Hawn taħt wieħed jista’ jara l-baned parteċipanti kollha, bid-dettalji tas-servizzi li ser jagħmlu tul il-festa. Tassew festa ta’ baned, il-festa ad unur il-kbir patrun u protettur ta’ gżiritna San Ġorġ!

IL-ĦDAX-IL BANDA MISTIEDNA GĦALL-FESTA 2008

Għaqda Mużikali ‘Ite ad Joseph’ – Qala
It-Tlieta fid-9.30pm: Marċ brijuż minn Triq ir-Repubblika sa Pjazza San Ġorġ fejn jingħata bidu għad-dimostrazzjoni bl-istatwa ta’ San Ġorġ. Id-dimostrazzjoni tintemm fi Pjazza San Franġisk.

Soċjetà Mużikali Santa Margerita V.M. – Sannat
L-Erbgħa fid-9.30pm: Marċ brijuż minn Tirq l-Arċisqof Pietru Pace sa Pjazza San Franġisk fejn jingħata bidu għad-dimostrazzjoni bl-istatwa ta’ San Ġorġ fuq iż-żiemel. Id-dimostrazzjoni tintemm fi Pjazza San Ġorġ.

Soċjetà Mużikali Santa Katarina V.M. – Żurrieq
Il-Ħamis fid-9.30pm: Tieħu sehem fid-dimostrazzjoni bl-istatwa l-ġdida ta’ San Ġorġ Patrun t’ Għawdex, li tintemm fi Pjazza Savina.

Banda Santa Marija – Żebbuġ
Il-Ħamis fid-9.30pm: Tieħu sehem fid-dimostrazzjoni bl-istatwa l-ġdida ta’ San Ġorġ Patrun t’ Għawdex, li tintemm fi Pjazza Savina.

Għaqda Mużikali San Ġużepp – Għajnsielem
Il-Ġimgħa fid-9.30pm: Marċ minn Triq ir-Repubblika sa Pjazza San Ġorġ, fejn tesegwixxi programm mużikali.

Soċjetà Filarmonika Mnarja – Nadur
Il-Ġimgħa fl-10.30pm: Tieħu sehem fid-dimostrazzjoni bl-istatwa ta’ San Ġorġ Rebbieħ li tintemm fi Pjazza Indipendenza.
Il-Ħadd fit-8.00pm: Marċ minn Pjazza San Franġisk sa Pjazza Indipendenza fejn tesegwixxi programm mużikali.

Banda Ċittadina King’s Own – Belt Valletta
Is-Sibt fit-8.00pm: Programm mużikali fi Pjazza San Ġorġ. Wara tieħu sehem fil-marċ singolari u kolossali ta’ lejlet il-festa.

Banda Prekursur – Xewkija
Is-Sibt fid-9.15pm: Marċ minn Pjazza San Ġorġ sa Pjazza San Franġisk fejn tesegwixxi programm mużikali.

Soċjetà Filarmonika Stella Maris – Sliema
Il-Ħadd fil-11.00am: Marċ brijuż u popolari fil-qalba tal-belt Victoria.

Għaqda Mużikali San Ġorġ Martri – Ħal Qormi
Il-Ħadd fil-11.00am: Marċ brijuż u popolari fil-qalba tal-belt Victoria.

Soċjetà Filarmonika Nicoló Isouard – Mosta
Il-Ħadd fit-7.45pm: Marċ minn Pjazza San Franġisk sa Pjazza San Ġorġ fejn tesegwixxi programm mużikali.