Join Us On:

News Archive

WIRJA MILL-AQWA MILL-BANDA ĊITTADINA ‘LA STELLA’

Wara sena ta’ impenji kontinwi, nhar is-Sibt 15 ta’ Diċembru, il-banda ċittadina u dekana ‘La Stella’ inkurunat is-sena 2007 b’wirja mill-aqwa fil-kunċert mużikali annwali mtella’ ġewwa t-teatru tas-Soċjetà, it-teatru Astra. Quddiem udjenza numeruża, immexxija mill-ogħla awtoritajiet fosthom l-iSpeaker tal-Kamra tad-deputati Anton Tabone u s-sinjura Tabone, is-Sindku tal-belt Victoria, is-Sur Robert Tabone u s-sinjura tiegħu, Mons. Arċipriet Pawlu Cardona, Mons. Ġużeppi Farrugia, Arċipriet Emeritu, u membri tal-kumitat ‘La Stella’ immexxija mill-President Dr Joseph Grech.

Il-banda ċittadina ‘La Stella’ taħt id-direzzjoni tas-surmast professur Mro Joseph Vella, fetħet il-programm mużikali b’silta kontemporanja ta’ Klaus Badelt – selezzjoni ta’ l-isbaħ mumenti mill-film gradjuż “Pirates of the Caribbean”, silta li kienet tirrekkjedi attenzjoni kbira minħabba r-ritmi irregolari li fiha, silta li kienet ukoll tinkludi ħafna xogħol mis-sezzjoni tal-‘percussion’ tal-banda. It-tieni silta mużikali esegwita kienet l-overture mill-opra “Rienzi” ta’ Richard Wagner, silta mill-isbaħ li fiha spikkaw bla dubju l-fanfarri fuq is-sezzjoni tar-ramm u anke x-xogħol mill-aktar delikat fuq is-sezzjoni tal-qasba. Kien imiss imbagħad silta mużikali li fiha s-solista George Camilleri fuq l-Euphonium wera l-ħiliet tekniċi li jippossedi u bbrilla fis-silta “Grand Father’s Clock” ta’ George Doughty (fuq arranġament ta’ Laurence Borg). Għandna lkoll inħossuna kburin bit-talent li tippossedi l-banda tagħna, talent mużikali li sena wara sena jkompli joħroġ fil-beraħ, b’dawn l-opportunitajiet li s-Soċjetà qed tagħti lil dawn is-solisti ferm bravi. Kien xieraq l-applaws kbir li rċieva mingħand sħabu l-bandisti, mis-surmast u mill-udjenza, għall-wirja impekkabbli li ta George Camilleri, u minn din il-paġna aħna wkoll nifirħulu.

Kien imiss is-selezzjoni mill-opra Verdjana “Macbeth” li reġgħet qajmet il-memorja tas-suċċess grandjuż li ksibna ftit tal-ġimgħat ilu meta fit-teatru tagħna ttellgħu żewġ rappreżentazzjonijiet ta’ din l-opra. Il-banda daqqet arranġament tas-surmast direttur Joseph Vella. Hawn, il-banda, l-istess bħalma għamlet fis-siltiet l-oħra, ħarġet bl-unuri kollha u l-istess għamlu s-solisti li interpretaw il-partijiet tas-sopran, tenur u baritonu fl-opra lirika. Wara din is-selezzjoni operistika, il-banda daqqet l-ewwel moviment ta’ “New World Symphony” ta’ Antonin Dvorak – silta oħra mill-aktar impenjattiva u li fiha kienet tinħass il-parteċipazzjoni affettiva tal-banda f’kompożizzjoni mill-aktar ikkulurita u dinamika.

L-aħħar silta mużikali li ndaqqet f’dan il-kunċert annwali kien il-marċ funebri mill-pinna tas-surmast direttur Joseph Vella, iddedikat lill-kappillan tal-banda Mons. Salv Borg li ħalliena f’Settembru li għadda, u kien mill-aktar xieraq li f’dan il-kunċert sinfoniku jingħata wkoll għal darb’oħra tislima mill-banda li hu tant ħabb u segwa. M’hemmx dubju li Dun Salv kif ilkoll konna nafuh, segwiena u kien kburi bil-wirja kbira li għamlet il-banda tiegħu!

Wara li ndaqqu l-innijiet tal-banda, t’Għawdex u l-innu nazzjonali ġie fi tmiemu kunċert ieħor mill-isbaħ, u fuq wiċċ kulħadd deher dak is-sodisfazzjon għal-livell li għal darb’oħra reġa’ ntlaħaq waqt kunċert bħal dan. Nifirħu lill-bandisti kollha tas-sagrifiċċji li għamlu biex attendew għall-kunċerti preparatorji biex b’hekk seta’ jintlaħaq dan il-livell; lis-solisti kollha li kienu: George Camilleri (Flute), Mario Galea (Clarinet), Michel Refalo (Trumpet), George Refalo (French Horn), Anton Sacco u George Camilleri (Euphonium); u fuq kollox lis-surmast direttur Mro Joseph Vella, surmast professur li tassew bih tiftaħar is-Soċjetà tagħna.

[ritratti: Joe Attard]