Join Us On:

News Archive

TOĦROĠ IL-POSTER TAL-FESTA 2007

Bżonn nirreklamaw il-festa ta’ San Ġorġ ta’ beltna, ma tantx hemm bżonn, u dan kulħadd jafu. L-aqwa reklam isir minn dawk l-eluf ta’ Għawdxin, Maltin u turisti li jżuruna ta’ kull sena, f’nofs ix-xahar ta’ Lulju, u li ma jitilfu l-ebda moment partikolari minn din il-festa, meqjusa minn ħafna bħala l-festa t’Għawdex.

Iżda ta’ kull sena wara li jitfassal il-programm kollu f’ħidma kontinwa bejn l-amministrazzjoni tal-bażilika u l-amministraturi tas-Soċjetà “La Stella”, joħroġ programm forma ta’ ktejjeb, u anke l-poster. Dawk kollha li ser jaraw il-poster li ġiet imnedija għall-festa ta’ din is-sena ser jinnota differenza kbira minn kif kienet tkun imfassla fis-snin preċedenti. Dan għall-fatt li fil-poster ufficjali ta’ din is-sena, wieħed mhux ser isib il-ħinijiet ta’ kull attività, u l-kumplament tad-dettalji l-oħra. Għal min irid ikun jaf dawn id-dettalji, ħareġ programm ferm dettaljat u attraenti, li tqassam lill-parruċċani ftit tal-ġimgħat ilu, u dan il-programm qed jidher ukoll fil-websites uffiċjali tal-bażilika u tas-Soċjetà. Intant, għall-benefiċċju ta’ dawk li ma riċvewx il-programm dettaljat, ser tiġi ppubblikata poster oħra bil-ħinijiet u l-ġranet ta’ l-attivitajiet kollha marbuta mal-festa. Il-poster ufficjali ta’ din is-sena, mibnija fuq kunċett ġdid, inżammet sempliċi kemm jista’ jkun, fuq disinn modern li żgur jolqot l-għajn ta’ kull min jarah. Fiċ-ċentru bla dubju insibu l-aktar element importanti u fundamentali tal-festa, proprju l-Patrun tagħna San Ġorġ. Il-festa nagħmluha f’ġieħu, b’imħabba kbira, u ma nħallu l-ebda element sekulari jtellef minn dan. L-uniċi dettalji li nsibu f’din il-poster huma d-dati minn meta jsir il-ħruġ ta’ l-istatwa min-niċċa sal-jum prinċipali tal-festa, il-15 ta’ Lulju 2007. Poster, full colour, li saret fuq disinn ta’ Michael Formosa b’ritratti mill-isbaħ tal-fotografu Joe Attard, li bla dubju llum m’għandu bżonn ta’ l-ebda introduzzjoni f’dan il-qasam. Minn hawn nirringrazzjaw lil dawn il-persuni tax-xogħol u tal-prodott ferm professjonali li dejjem wettqu b’mod volontarju b’risq San Ġorġ u s-Soċjetà tagħna.

M’hemmx dubju li dan il-kunċett, bħal diversi kunċetti oħra, ser jiġi imitat minn għaqdiet li jorganizzaw festi oħra fi gżiritna. Nieħdu pjaċir li aħna dejjem inkunu ta’ eżempju għal ħaddieħor, fejn tidħol il-kwalità u l-organizzazzjoni ta’ dak kollu li nagħmlu.

Intant, infakkru fl-ikla tradizzjonali tal-festa li ser issir proprju llejla fi Pjazza San Ġorġ. Fittxu akkwistaw il-biljett tagħkom kmieni, biex żgur ħadd ma joħroġ diżappuntat. Narawkom!