Join Us On:

MEMORJI TAL-FESTA L-AKTAR POPOLARI TAL-GŻIRA

Kif jixdhu l-eluf ta’ ritratti li ttieħdu matul il-jiem festivi ta’ Lulju li għadda minn għadd ta’ dilettanti, din is-sena għal darb’oħra l-Festa ta’ San Ġorġ kienet suċċess kbir minn kull lat.  Il-folol bdew jimlew beltna mill-bidu tal-ġimgħa u żiedu joħonquha sal-aħħar waqtiet nhar San Ġorġ.

Bdejna mit-Tnejn tal-ġimgħa tal-Festa, fejn assistejna għall-Kunċert Korali u Orkestrali grandjuż ta’ tmiem il-Victoria International Arts Festival, taħt id-direzzjoni tal-Professur Joseph Vella, Maestro di Cappella tal-Bażilika Ġorġjana u Surmast Direttur tas-Soċjetà Filarmonika La Stella, u naturalment it-Tiġrijiet Tradizzjonali tal-Bhejjem li din is-sena raw suċċess akbar mis-snin ta’ qabel.

It-Tlieta mbagħad ħriġna ’l San Ġorġ min-niċċa fost entużjażmu kbir ġo knisja ppakkjata bin-nies.  Dritt wara, f’Ċelebrazzjoni ta’ Xhieda Kristjana li ssir kull sena wara l-ħruġ min-niċċa, iż-żgħażagħ tagħna nġabru madwar ix-xbieha ta’ San Ġorġ u quddiem Ġesù Ewkaristija għal mumenti ta’ ġabra, riflessjoni u talb.  Il-jum tat-Tlieta ra wkoll l-ewwel dimostrazzjoni fuq barra bl-istatwa ta’ San Ġorġ Żagħżugħ.  L-Erbgħa, l-ewwel jum tat-Tridu Solenni, filgħaxija kellna t-tieni dimostrazzjoni b’San Ġorġ taż-Żiemel, filwaqt li l-Ħamis kellna t-tielet waħda b’San Ġorġ Patrun ta’ Għawdex fi Pjazza Savina, fejn intwera l-feature tal-festa fost ċapċip u briju kbir.  Dan il-feature awdjo-viżiv issa sar popolari ħafna u jkun mistenni kull sena b’ħerqa kbira mill-partitarji u anki minn dawk li jiġu jżuruna mill-qrib u mill-bogħod.

Din is-sena l-omeliji tat-Tridu saru minn Dun Roberto Gauci, fil-qalba ta’ liturġija solenni b’mużika sagra l-ġmiel tagħha li m’hemmx għalfejn ngħidu li waħidha hi attrazzjoni impekkabbli.  L-aħħar jum tat-Tridu, il-Ġimgħa, filgħaxija kellna d-dimostrazzjoni popolari bl-istatwa ta’ San Ġorġ Rebbieħ, l-ewwel statwa għall-festi esterni f’Għawdex.  Indaqq ukoll, l-innu Su Garzoni (1894) ta’ Mons. Giuseppe Farrugia, l-ewwel innu l-kbir f’Għawdex.  L-għada s-Sibt, lejlet il-Festa, wara li filgħodu saret il-Konċelebrazzjoni Solenni tat-Te Deum bil-marċ tradizzjonali li jsegwi dritt wara u r-riċiviment annwali fil-Każin La Stella, iċ-ċelebrazzjoni prinċipali kienet it-Translazzjoni Solenni ta’ filgħaxija u l-marċ kolossali mill-Baned Ċittadini La Stella u King’s Own tal-Belt Valletta.

Wasal ukoll il-jum tant mistenni – it-tielet Ħadd ta’ Lulju, Jum San Ġorġ.  Kellna Pontifikal mill-aqwa mmexxi mill-E.T. Mons. Mario Grech, Isqof ta’ Għawdex u Dekan tal-Kolleġġjata, f’Bażilika li fiha ma kienx hemm fejn taqa’ labra, fejn attenda wkoll il-President ta’ Malta Dr George Abela.  Il-Marċ ta’ Filgħodu ma għandu bżonn ebda deskrizzjoni, għax ir-ritratti juru waħedhom!  Nhar il-Festa filgħaxija, imbagħad, l-aktar mument importanti: il-ħruġ trijonfali ta’ San Ġorġ mill-Bażilika tiegħu u l-Purċissjoni Pontifikali madwar it-toroq ta’ beltna, li din is-sena kellna l-privileġġ li nilqgħu fostna biex imexxiha lill-Patrijarka Sirjaku ta’ Antjokja, Efrem Yousef III Younan.

Kif ħabbar l-Arċipriet Mons. Pawlu Cardona wara l-Barka Ewkaristika fi tmiem il-festi ta’ din is-sena, il-komunità parrokkjali Ġorġjana waslet biex tiċċelebra bil-kbir il-festi ċentinarji tal-175 sena minn meta waslet fostna l-istatwa artistika ta’ San Ġorġ, kapulavur fl-injam ta’ Pietru Pawl Azzopardi u l-ewwel statwa titulari fi gżiritna.  Dan ħa jfisser impenn akbar għas-Soċjetà Mużikali tagħna, biex infakkru kif jixraq din il-ġrajja straordinarja – liema servizz aħna ċerti li sa nagħtu b’dedikazzjoni sħiħa u bi mħabba lejn il-Patrun ta’ Għawdex u l-Bażilika maestuża tiegħu.

DSC_0032DSC_0013 DSC_0024 DSC_0019 DSC_0029 DSC_0021 DSC_0027 DSC_0029 DSC_0009