IT-TIĠRIJIET TAL-BHEJJEM JIĠBDU ĦAFNA NIES
Triq ir-Repubblika lbieraħ filgħaxija kienet maħnuqa bin-nies biex tassisti għat-Tiġrijiet Tradizzjonali tal-Bhejjem, it-tiġrijiet tant popolari ta’ San Ġorġ. Minn kmieni d-dilettanti Maltin u Għawdxin sabu posthom fil-bidu tat-triq biex igawdu dan l-avveniment tant mistenni minn bosta. Din is-sena kien hemm fuq tletin tiġrija differenti. Is-suċċess ta’ dan l-avveniment qed ikompli jikber minn sena għall-oħra, u dan jawgura tajjeb ħafna għall-futur. Ta’ min isemmi li dik ta’ San Ġorġ hija l-unika tiġrija f’Għawdex li ssir filgħaxija, ’il bogħod mill-qilla tax-xemx, u fejn għalhekk il-bhejjem ibatu ħafna anqas. Fi tmiem it-tiġrijiet tqassmu t-trofej lir-rebbieħa minn bosta dinjitari Għawdxin.