Join Us On:

News Archive

XOGĦLIJIET FIS-SALA GIUSEPPE GIARDINI VELLA

L-Għaqda tal-Armar tal-Festa ta’ San Ġorġ tinsab għaddejja minn perjodu impenjattiv daqsxejn iżjed mis-soltu, b’ħidma fuq diversi proġetti li daħlet għalihom f’dawn l-aħħar snin u inizjattivi ġodda li se tniedi fil-jiem li ġejjin.  Fil-fatt, ftit ilu, tkompliet id-dekorazzjoni fuq in-niċċa tal-istatwa artistika ta’ San Ġorġ Rebbieħ fis-Sala Giuseppe Giardini Vella tal-każin tal-banda La Stella. Din l-opra saret fuq inizjattiva tal-Għaqda tal-Armar, fuq disinn tal-artist Michael Camilleri Cauchi, inħadmet fl-injam minn G&M Attard Woodworks, waqt li d-disinni fil-bronż ġew fonduti mill-bronżier Joseph Chetcuti f’Malta.  Fil-ġranet ta’ qabel il-kunċert Annwali li għadda, waranofsinhar, ġiet integrata fiha aktar dekorazzjoni skolpita fl-injam, f’intervent li sar mill-artist Michael Camilleri Cauchi u mill-mastrudaxxa Michael Said, li huwa wkoll bandist tas-Soċjeta’ Filarmonika La Stella.

Intant, fl-istess ħin, membri oħrajn fl-Għaqda tal-Armar kienu mpenjati b’ħidma li talbet attenzjoni partikulari fuq il-proġett tal-planċier artistiku l-ġdid ta’ Pjazza San Ġorġ. Dan il-proġett jinsab miexi ġmielu u fil-fatt, din is-sena jidħol f’fażi oħra tiegħu.  Min-naħa tal-amministrazzjoni ta’ din il-website, aħna se nkomplu naġġornawkom bl-inizjattivi li l-Għaqda tal-Armar se tħabbar fil-jiem li ġejjin u bil-ħidma tal-fergħat l-oħra fi ħdan is-Soċjeta’. 

Fuq it-tema tas-Sala Giuseppe Giardini Vella nixtiequ nsemmu wkoll li f’Lulju li għadda, sewwwasew is-Sibt ta’ lejlet il-Festa ta’ San Ġorġ fi tmiem il-marċ ta’ filgħodu inkixef mafkar biex jikkommemora l-għeluq it-80 sena minn meta nkiteb l-innu l-kbir ta’ San Ġorġ A San Giorgio Martire. Din l-inizjattiva kienet kordinata mis-Sur George Grech, president onorarju tas-Soċjetà. Għal dan l-avveniment attendew ukoll familjari tas-surmast Giardini Vella.  Fl-istess okkażjoni kienu ġew maħtura żewġ presidenti onorarji ġodda, is-Sur Dolindo Cassar u Dr. Joseph Grech.