Join Us On:

News Archive

XENI GĦAL OPRA FL-ITALJA MAĦDUMA MIT-TEATRU ASTRA TA’ GĦAWDEX

It-Teatru Astra tas-Soċjetà Filarmonika La Stella tal-Belt Victoria bħalissa jinsab impenjat bil-bini tas-sett tal-opra lirika Cavalleria Rusticana ta’ Pietro Mascagni mtellgħa mill-Coro Lirico Siciliano. Dan is-sett fi ftit tal-ġimgħat oħra ser ikun qed jiġi esportat Sqallija fl-Italja. Ix-xenografija ser tkun qed tintuża erba’ darbiet fi produzzjonijiet li se jittellgħu fil-Ġnien Vincenzo Bellini f’Catania fl-4 ta’ Awwissu, fit-Teatru Grieg ta’ Tindari fis-7 ta’ Awwissu, fit-Teatru Ruman-Grieg ta’ Taormina fl-20 ta’ Awwissu, u fl-aħħar nett fit-Teatru Grieg ta’ Sirakuża fis-27 ta’ Awwissu.

Id-disinn ta’ din ix-xenografija ġdida sar mill-artist Għawdxi u xenografu tat-Teatru Astra Joseph Cauchi flimkien ma’ Andrew Portelli.

L-opra lirika fit-Teatru Astra hi sinonima ma’ xenarju ta’ livell artistiku għoli ħafna. Fil-passat riċenti t-Teatru ddistingwa ruħu f’kull aspett tal-produzzjoni operistika, inkluża x-xenografija li ġiet imfaħħra mill-pubbliku u l-midja. Fuq kollox din mhix l-ewwel esperjenza għat-Teatru Astra fejn qed jesporta l-prodott artistiku tiegħu. Lura fis-sena 2014 it-Teatru esporta x-xenarju u l-kostumi tal-opra lirika Nabucco lejn Rimini fl-Italja, biex intużaw f’żewġ rappreżentazzjonijiet li saru fi Stadio 105 Rimini.

Minħabba l-pandemija tal-Covid-19, għat-tieni sena konsekuttiva t-Teatru Astra kellu jipposponi ż-żewġ rappreżentazzjonijiet tal-opra lirika Carmen li kienu skedati li jsiru lejn l-aħħar ta’ Ottubru ta’ din is-sena. Għalhekk din l-esperjenza ser isservi ta’ opportunità għat-Teatru Astra sabiex anki din is-sena fiċ-ċirkustanzi preżenti jdewwaq parti żgħira mill-potenzjal artistiku tiegħu marbut mal-produzzjonijiet tal-opri liriċi – li f’pajjiżna huma sinonimi mal-Belt Victoria u l-gżira Għawdxija – fil-pajjiż li minnu oriġinat u nibtet l-opra: l-Italja!

Dan il-proġett qed isir ukoll bl-għajnuna tad-Direttorat għall-Wirt Kulturali fi ħdan il-Ministeru għal Għawdex.