Join Us On:

News Archive

XBIEHA ILLUMINATA TA’ SAN ĠORĠ FUQ GELMUS

Din is-sena, grupp ta’ żgħażagħ Ġorġjani fi ħdan l-Għaqda tan-Nar tal-festa ta’ San Ġorġ, qed jieħdu ħsieb li jżanżnu opra kompletament ġdida li qatt ma dehret fil-festi titulari li jiġu ċċelebrati fil-parroċċi tal-gżejjer tagħna.

Din l-opra tikkonsisti fi xbieha artistika ta’ San Ġorġ fuq iż-żiemel, rebbieħ fuq id-dragun. Din ix-xbieha, magħmula fl-injam, li se tkun ta’ 30 pied tul u 20 pied wisa’, u li se tkun tixgħel b’sistema elettrika li tieħu qrib l-elf bozza, se tkun tiddomina l-gzira Għawdxija minn fuq l-Għolja ta’ Gelmus, il-post minn fejn isir l-ispettaklu tal-logħob tan-nar ta’ l-ajru fil-jiem tal-festi prinċipali f’Lulju, f’ġieħ San Ġorġ Megalomartri, il-Patrun tad-Djoċesi u tal-Belt Victoria.

Id-disinn u t-tfassil ta’ din ix-xbieha sar minn George James Cutajar, wieħed miż-żgħażagħ li qed jieħdu ħsieb ix-xogħol fuq dan il-proġett. Din ix-xbieha hija l-parti ewlenija minn proġett ta’ tisbiħ ta’ l-Għolja ta’ Gelmus għall-jiem speċjali tal-festi prinċipali ta’ gziritna. Ix-xbieha illuminata ta’ San Ġorġ, apparti l-ħidma intensa li tinvolvi, se tlaħħaq is-somma ta’ madwar € 2500. Dan meta wieħed iqis il-flus li ntefqu u għad iridu jintefqu fl-għadd kbir ta’ bozoz u dak kollu li tinkorpora fiha s-sistema elettrika li se tixgħelu, u l-ammont ta’ ħadid li se jissapportja lix-xbieha għal kontra l-irjieħ kbar li jaħkmu fuq l-Għolja ta’ Gelmus.

Tul ‘Gozo 1234’, iż-żgħażagħ li qed jieħdu ħsieb dan il-proġett, organizzaw stand bil-għan li jesebixxu parti mix-xogħol li qed isir fuq il-proġett imsemmi, u permezz t’hekk inġabru wkoll fondi b’risq din l-opra ġdida. Aħna wkoll inħeġġu lil kulħadd sabiex jagħti sehmu b’risq din l-opra li se titgawda minn kulħadd fil-jiem tal-festi patronali f’ġieħ San Ġorġ. Il-proġett ġie mfaħħar minn bosta, u minn din il-paġna nixtiequ nifirħu u nawguraw lil dawn iż-żgħażagħ ferm ħabrieka responsabbli minn dan il-proġett mill-isbaħ, li bla dubju jixraq lill-festa prinċipali tal-gżira Għawdxija.