XBIEHA ĠDIDA TA’ SAN ĠORĠ
Din is-sena fil-festa f’ġieħ il-Martri San Lawrenz ġiet imżanżna bandolara mill-isbaħ b’pittura tal-artist Għawdxi Joseph Cauchi, membru ta’ l-Għaqda tal-Armar u xenografu principali tat-Teatru Astra. Il-bandalora tirrapreżenta lil San Ġorġ biż-żiemel warjaħ u hija l-ewwel waħda minn fost sett ta’ qaddisin martri li l-Għaqda tal-Armar ta’ San Lawrenz għandha f’moħħha tagħmel fil-pjazza ewlenija. Din il-biċċa xogħol ta’ arti minbarra li tirrifletti l-ħiliet artistiċi tal-artist, li issa stabilixxa ruħu bħala protagonista fix-xena tad-dekoroazzjoni festivi fil-gżejjer Maltin, tissiġilla għall-darba ohra r-rabta bejn ir-raħal u l-kommunità ta’ San Lawrenz mas-Soċjetà u l-Banda Ċittadina u Dekana La Stella.
Naturalment San Lawrenz huwa wkoll rappreżentat fost il-martri li jsebbħu Pjazza Indipendenza fil-festa ta’ San Ġorġ, permezz tal-istatwa artistika ta’ Adonai Camilleri Cauchi.
Bis-servizz tal-Ħadd li għadda ġewwa r-raħal ta’ San Lawrenz il-Banda Ċittadina La Stella temmet l-impenji tagħha fil-festi għal dan is-sajf. Il-Banda, wara marċ u l-innu l-kbir, daqqet siltiet minn RockAstra 2014 fejn kienet taħt id-direzzjoni mużikali Surmast Sigmund Mifsud. Il-kunċert ġibed l-ammirazzjoni tal-folla kbira preżenti quddiem il-palk, li infexxet f’ ċapċip mar-rittmu tal-mużika tal-Banda La Stella u l-kant tal-kantanti li kienu mistiedna mill-istess Banda sabiex jakkumpanjawha f’ dan il-programm prestiġġjuż.