Join Us On:

News Archive

WIRJA TAL-ĠIMGĦA MQADDSA FI PJAZZA SAN ĠORĠ

Nhar il-Ġimgħa 3 ta’ April, meta l-Knisja f’Malta u Għawdex kienet qed tiċċelebra l-festa tradizzjonali u mill-aktar għażiża tad-Duluri, fis-sular t’isfel ta’ l-istazzjon tar-radju tal-komunità tagħna, Leħen il-Belt Victoria, fi Pjazza San Ġorġ, ġiet inawgurata wirja mill-aktar interessanti għall-Ġimgħa Mqaddsa.
 
Wara jiem ta’ preparazzjoni u armar, grupp ta’ żgħażagħ mill-parroċċa ta’ San Ġorġ u s-Soċjetà Filarmonika La Stella irnexxielhom itellgħu wirja f’ambjent li tabilħaqq jolqtok. Il-wirja hija maqsuma f’żewġ taqsimiet: fil-kamra ta’ ġewwa wieħed jista’ jara u jammira mejda ta’ l-appostli fuq stil Lhudi; u fil-kuritur li jagħti ghal din l-istess kamra wieħed jista’ jara rappreżentazzjoni f’pasturi tat-tafal tal-purċissjoni devota tal-Ġimgħa l-Kbira li toħroġ mill-Bażilika ta’ San Ġorġ, li kif kulħadd jaf hija waħda unika għall-forma tradizzjonali tagħha. Dawn il-pasturi ġew maħduma madwar tmintax –il sena ilu minn Carmelo Farrugia. F’din il-wirja wieħed ma jistax ma jinnutax ukoll l-issettjar sabiħ ħafna tad-dwal li tpoġġew temporanjament miż-żgħażagħ tagħna. Ix-xogħol fuq id-dwal sar taħt it-tmexxija ta’ Nathanael Zammit, bandist mal-banda La Stella.
 
Il-wirja qed tkun miftuħa kuljum f’ħinijiet differenti. Fil-ġranet li ġejjin ser tkun miftuħa f’dawn il-ħinijiet:
 
It-Tlieta, 7 t’April: 9.00am – 12.00pm u 5.00pm – 8.00pm
L-Erbgħa, 8 t’April: 9.00am – 12.00pm u 5.00pm – 9.30pm
Il-Ħamis, 9 t’April (Ħamis ix-Xirka): mit-8.00am sa 12.00am.
Il-Ġimgha, 10 t’April (Il-Ġimgha l-Kbira): mis-7.00am sad-9.00pm.
 
Inħeġġu lilkom ilkoll li qed iżżuru dan is-sit sabiex ma titilfux din il-wirja interessanti fi Pjazza San Ġorġ.