Join Us On:

News Archive

WIRJA TAJBA MIŻ-ŻGĦAŻAGĦ TAGĦNA

Il-bieraħ, bħala parti mill-ħdax-il edizzjoni tal-Victoria International Arts Festival kien imiss il-‘La Stella Clarinet Ensemble’ iffurmata minn erba’ klarinettisti tal-banda tagħna li taw kunċert mill-isbaħ fl-Aula Mgr Giuseppe Farrugia, fil-bażilika ta’ San Ġorġ. Għal dan il-kunċert li għalih kien hemm attendenza qawwija, kien hemm preżenti wkoll, is-surmast direttur tal-banda tagħna Mro Joseph Vella, li huwa wkoll id-direttur artistiku tal-festival, Mons. Ġużeppi Farrugia, arċipriet emeritu u direttur spiritwali tas-Soċjetà tagħna, kif ukoll diversi membri tal-kumitat tas-Soċjetà.

Kien kunċert imżewwaq b’mużika klassika mill-pinna ta’ Mozart u Debussy, mużika jazz mill-pinna ta’ Gershwin, kif ukoll mużika kontemporanja mill-pinna tal-kompożitur Amerikan Paul Harris, kif ukoll kompożizzjonijiet mill-pinna ta’ Lennon, McCartney u James Power.

Iż-żgħażagħ George Apap, Francis J. Borg, James Grima, u Silvio Cini taw wirja tajba li ntlaqgħet tajjeb ħafna mill-udjenza preżenti, fosthom numru kbir ta’ turisti li jattendu regolarment għall-kunċerti ta’ dan il-festival. L-erba’ żgħażagħ, ilkoll ġew mgħallma għal dawn l-aħħar snin taħt l-Assistent Surmast Mro Noel Beck. George Apap li huwa għalliem tal-Mużika gradwat mill-Università ta’ Malta, f’dawn l-aħħar sitt snin akkumpanja lil Mro Beck fit-tagħlim tat-teorija u tal-istrumenti tal-qasba.

Avvenimenti bħal dawn bla dubju jgħinu lill-bandisti żgħażagħ tagħna jesprimu aktar it-talenti tagħhom u minbarra li jdoqqu f’banda ta’ madwar sittin element jidraw ukoll idoqqu f’ensembles. F’dawn l-aħħar ħames snin, is-Soċjetà dejjem ħasbet biex tieħu sehem permezz ta’ dawn iż-żgħażagħ u ta’ l-allievi f’dan il-festival prestiġjuż f’pajjiżna. Inizzjattivi simili jgħinu u jinkoraġġixxu lilna lkoll, għaliex nafu li l-banda ċittadina u dekana ‘La Stella’ għalkemm hija l-ixjaħ waħda fi gżiritna, għandha futur, u futur sabiħ!

20/06/2008

ritratti: Joe Attard