Join Us On:

News Archive

WIRJA TA’ VARI U MEJDA TAL-APPOSTLI

Ilbieraħ, il-Ħamis, 25 ta’ Marzu, fis-6.00pm, fis-sular ta’ isfel tal-istazzjon tar-radju Leħen il-Belt Victoria, fi Pjazza San Ġorġ, Għawdex, ġiet inawgurata wirja mill-aktar interessanti u artistika għall-Ġimgħa Mqaddsa mis-sindku tal-belt Victoria, Dr Samuel Azzopardi, u mbierka mill-arċipriet tal-bażilika ta’ San Ġorġ, Mons. Pawlu Cardona, fil-preżenza tal-arċipriet emeritu Mons. Ġużeppi Farrugia u taż-żgħażagħ kollha li taw minn ħinhom u mill-kapaċitajiet tagħhom fit-tiswir tagħha.

Il-wirja, li ingħatat l-isem “SITIO – Għandi l-Għatx!”, ispirata mill-kelmiet li ħarġu minn fomm Kristu stess fuq is-salib, tinkludi sett vari tal-Ġimgħa l-Kbira, maħduma artistikament minn Joe Cutajar Zahra, sett ta’ episodji mill-passjoni u l-mewt tas-sinjur tagħna Sidna Ġesu’ Kristu, maħduma fuq stil tradizzjonali minn Carmelo Farrugia, bandist tas-Soċjeta’ Filarmonika La Stella u membru attiv fl-Għaqda tal-Armar tal-Festa, kif ukoll il-Mejda tal-Appostli u rappreżentazzjoni tal-Ħasil tar-Riġlejn u għadd ta’ ritratti u pitturi marbuta ma dan iż-żmien sabiħ daqskemm speċjali tas-sena, fost spettaklu ta’ dwal, fjuri u arranġamenti. 

Iż-żgħażagħ li ipprojettaw din l-attivita’ artistika  ħasbu li jagħtu dehra kompletament differenti minn dik oriġinali lill-ewwel sular tal-istazzjon tar-radju Leħen il-Belt Victoria, u jibdluha f’ambjent li tabilħaqq jolqtok u jdaħħlek fl-ispirtu tal-ġrajjiet il-kbar tal-fidwa tagħna.

Il-wirja tkun miftuħa kuljum bejn id-9.00am u nofsinhar, u bejn il-5.00 u d-9.00pm. Fl-Erbgħa tat-Tniebri, Ħamis ix-Xirka u l-Ġimgħa l-Kbira, il-wirja tkun miftuħa mit-8.00am sa’ nofs il-lejl.