Join Us On:

News Archive

WIRJA FIT-TEATRU ASTRA

Il-bieraħ tkomplew l-attivitajiet marbuta ma’ Festival Mediterranea 2015 bil-ftuħ ta’ wirja fit-Teatru Astra li se ddum miftuħa sa nhar is-Sibt li ġej 21 ta’ Novembru.

Il-wirja għandha sezzjoni ddedikata lill-Prof Joseph Vella, surmast direttur tagħna li din is-sena qed ifakkar il-45 anniversarju minn meta ħa f’idejh il-banda tagħna.  Din is-sezzjoni fiha bosta tifkiriet tas-Surmast Vella li jmorru lura diversi snin, bosta ritratti, kollezzjoni ta’CDs, posters u ħafna affarijiet oħra.

Sezzjoni oħra fil-wirja fiha diversi dokumenti antiki propjetà tas-Soċjetà Filarmonika La Stella, partituri xogħol is-Surmast Vella, registri ta’ minuti, diskorsi importanti li kienu saru fil-passat u bosta affarijiet oħra.  Interessanti sezzjoni oħra fil-wirja li qed tesebixxi żewġ strumenti antiki li jidhru fl-aktar ritratt qadim tal-Banda La Stella li għandha fil-pussess tagħha u li jġib id-data tal-1888.  Hemm esebiti wkoll il-kostum li iddebutta bih fix-xena tal-opra lirika it-tenur ċelebri Malti Joseph Calleja kif ukoll dak li uża f’La Boheme xi snin wara. Hemm esebiti wkoll l-istandard tal-Banda La Stella kif ukoll ta’ xi baned oħra.

Attivitajiet oħra li saru l-bieraħ jinkludu s-seminar ta’ filgħodu dwar is-sehem tal-Baned fit-tradizzjoni u x-xena artistika f’pajjizna li kien ippresedut mill-Prof. Joseph Vella, kif ukoll dramm ta’ Oscar Wilde De Profundis li kien taħt id-direzzjoni tas-Sur George Mizzi.

Appuntamenti oħra importanti fil-Festival Mediterranea li jmiss huma:

  • Il-Kunċert Annwali mill-Banda La Stella taħt id-direzzjoni tal-Prof Joseph Vella nhar is-Sibt li ġej fit-Teatru Astra fis-7.30pm. Dħul b’xejn.
  • Id-dramm Dehra mill-Pont, taħt id-direzzjoni ta’ Mario Tabone nhar is-Sibt 5 u l-Ħadd 6 ta’ Diċembru 2015. Dħul €5.