WIRJA DWAR IS-SOĊJETÀ ‘LA STELLA’ U L-FESTA TAL-BELT VICTORIA
Tul it-tlitt ijiem bejn it-18 u l-20 ta’ Mejju 2007, is-Soċjetà Filarmonika ‘La Stella’ ser ittella’ wirja dwar l-istorja ta’ din is-Soċjetà u dwar il-festa tal-Patrun t’Għawdex San Ġorġ Martri. Din il-wirja ser tkun waħda mill-attrazzjonijiet prinċipali tul in-“Notte Gozitana” organizzata mill-Ministeru għal Għawdex u l-Ministeru għat-Turiżmu u Kultura.
Il-wirja, li ser tittella’ ġewwa s-Sala Mro Giuseppe Giardini Vella, ser tinkludi sett ta’ strumenti mużikali antiki li wħud minnhom għandhom ’il fuq minn mitt sena; stendardi li ġew mogħtija lis-Soċjetà waqt mawriet li għamlet barra minn xtutna; CD’s ta’ marċi brijuża u funebri li l-banda ħarġet tul is-snin; ammont kbir ta’ ritratti ta’ Surmastrijiet u Presidenti ta’ din is-Soċjetà flimkien ma’ għadd ieħor dwar l-istorja glorjuża ta’ din is-Soċjetà ewlenija fi gżiritna. Is-Soċjetà Filarmonika ‘La Stella’ minbarra li hija l-ewwel soċjetà mużikali mwaqqfa fi gżiritna, għandha rekord ta’ ġrajjiet storiċi fl-istorja tagħha fosthom: hija l-ewwel banda li daqqet programmi mużikali f’Malta u barra minn Malta; daqqet f’uħud mill-aqwa pjazez ta’ l-Ewropa, u anke barra mill-Ewropa; u hija l-ewwel banda li ħarġet il-marċi tagħha fuq Long-Plays, Cassettes u CDs. Tul din il-wirja ser jiġu murija filmati b’tagħrif dwar il-festa prinċipali tal-gżira Għawdxija u dwar id-diversi elementi li jsawruha. Wieħed ser ikun jista’ jgawdi wkoll il-kapulavur ta’ Vincenzo Cremona, San Ġorġ Rebbieħ, xbieha li barra li tintuża fil-festi f’ġieh San Ġorġ fil-belt Victoria, matul is-sena ssebbaħ din is-sala li fiha qed tiġi armata din il-wirja. Fl-istess sular ser ikun miftuħ ukoll is-salott tas-Soċjetà ‘La Stella’ fejn ser ikun hemm esebiti diversi trofej, ritratti u pitturi ta’ San Ġorġ. Id-dħul għal din il-wirja huwa b’xejn.