Join Us On:

News Archive

WEBSITE SUĊĊESS

Minn Ġunju 1957, ir-rivista “Leħen il-belt Victoria” bdiet tiġi ppubblikata mis-Soċjetà Filarmonika “La Stella” biex tibda twassal il-vuċi tagħha. Maż-żmien din ir-rivista minħabba xi raġunijiet ma baqgħetx toħroġ u fl-1997 inħass il-bżonn li mill-ġdid jerġa’ jkun hemm vuċi għas-Soċjetà u bdiet tiġi ppubblikata r-rivista din id-darba bl-isem ‘ta’ l-iStilla”. Din ir-rivista għadha tiġi ppubblikata sal-lum. Fil-fatt ir-rivista “ta’ l-iStilla” toħroġ tliet darbiet fis-sena flimkien mal-pubblikazzjoni ewlenija tal-festa li toħroġ f’Lulju. Fis-sena 1997 sar tentattiv biex is-Soċjetà tagħna tibda twassal il-vuċi tagħha anke fuq l-internet..mezz ġdid u aħjar ta’ kommunikazzjoni. Fil-fatt f’dak iż-żmien kienet ġiet ‘launched’ l-ewwel websajt tas-Soċjetà. Iż-żmien jgħaddi, u minn April li għadda saret ħidma kbira mill-kumitat ċentrali u mill-PR tas-Soċjetà, biex dan is-sit li ngawdu llum seta’ jsir realta’. Il-websajt ġdida nħadmet u llum qed twassal l-aħbarijiet tas-Soċjetà tagħna u tal-komunità tagħna lil dawk il-mijiet li jżuruha ta’ kuljum.

Fil-fatt minn April li għadda minn meta ġiet inawgurata mill-ġdid, b’format ġdid u aġġornata b’mod aktar regolari, il-‘hits’ (in-numru ta’ nies li jżuru s-sit) żdiedu ferm. Il-websajt kisbet popolarità kbira, grazzi għall-pubbliċità li saritilha wkoll fuq il-pubblikazzjonijiet tas-Soċjetà u anke fuq il-websajt tal-bażilika ta’ San Ġorġ (www.stgeorge.org.mt). Il-websajt il-ġdida hija suċċess ieħor miksub mis-Soċjetà tagħna. Hija websajt li jżuruha bosta emigranti li permezz tagħha jħossuhom ferma aktar qrib tas-Soċjetà ta’ l-Istilla – hija websajt li jżuruha wkoll bosta Maltin u Għawdxin membri ta’ Soċjetajiet mużikali oħra – u fuq kollox iżurha l-poplu Ġorġjan u ta’ l-iStilla li għalkemm ċertu informazzjoni jkun diġà familjari magħha għax jaħdem mill-qrib tas-Soċjetà jieħu pjaċir jaqra b’ċertu sodisfazzjon dak kollu li nippubblikaw. Ħaġa oħra sinonima mas-sit uffiċjali tagħna huma r-ritratti mill-isbaħ li grazzi għall-fotografu uffiċċjali tas-Soċjetà Joe Attard, aħna bi pjaċir nippubblikaw.

L-għan tagħna qed jiġi milħuq. Jonqos biss li intom li żżuru dan is-sit tagħmlulna reklam, b’mod speċjali ma’ ħutna l-emigranti, biex permezz t’hekk inkunu aktar fil-qrib tagħhom u huma tagħna. Min-naħa tagħna nwegħdukom li dan is-sit ser ikun dak is-sors li jgħaqqadna – dak is-sors li jżommkom aktar minn kull ħaġa oħra infurmati b’dak kollu li għandu x’jaqsam mas-Soċjetà “La Stella”. Grazzi ta’ l-appoġġ!