Join Us On:

News Archive

WEBSAJT ĠDIDA GĦAL FESTIVAL MEDITERRANEA

Nhar is-Sibt 24 ta’ Mejju, ġiet imnedija websajt ġdida għal Festival Mediterranea, festival kulturali mtella’ mis-Soċjeta’ Filarmonika La Stella li din is-sena wasal fit-tmien edizzjoni tiegħu. Din il-websajt ġiet inawgurata mill-Prim Ministru Dr Lawrence Gonzi, waqt żjara li hu għamel lill-każin La Stella u t-Teatru Astra tard nhar is-Sibt li għadda. Il-Prim Ministru kien akkumpanjat mill-membri parlamentari Giovanna Debono, Dr Chris Said, Frederick Azzopardi u mis-sindku tal-belt Victoria Robert Tabone fost l-oħrajn. Dawn ġew milqugħa minn diversi membri tal-kumitat tas-Soċjeta’ fosthom il-president Dr Joseph Grech, li f’diskors tal-okkażjoni semma li dan is-sit għandu jagħti promozzjoni qawwija għal dan il-festival li kull ma jmur qed jikber fil-popolarita’, anki barra minn pajjiżna. Kif semma l-president stess, dan is-sit ser ikollu wkoll il-faċilita’ ta’ online booking, biex b’hekk kulħadd jista’ jkollu aċċess għax-xiri tal-biljetti u anke fejn jidħol seating

Il-Prim Ministru wera ruħu impressjonat bis-servizz li qed tagħti s-Soċ. Filar. La Stella fil-qasam kulturali ta’ pajjiżna. Waqt li kien qed iżur xi sezzjonijiet fil-websajt, innota wkoll ritratti partikolari tat-tenur Malti Joseph Calleja, u hawn  ma setax jonqos li jissemma li kien proprju fit-teatru tagħna li dan it-tenur, illum ta’ fama mondjali, beda t-triq ta’ suċċess tiegħu, eżattament fl-1997 fl-opra Macbeth.

Intant, dan is-sit li fuqu ħadmu bi sħiħ l-uffiċċju ta’ relazzjonijiet pubbliċi u s-segretarjat tas-Soċjeta’, jinkludi fih sezzjoni tal-aħbarijiet mill-festival, kif ukoll informazzjoni fuq it-teatru Astra b’wieħed u erbgħin sena ta’ storja, u anke sezzjoni b’numru kbir ta’ ritratti mill-aħħar opri li ttellgħu fit-teatru (ritratti: Joe Attard).  

Inħeġġukom iżżuru din il-websajt fuq www.mediterranea.com.mt 

Wieħed jista’ wkoll jagħmel kuntatt magħna fuq [email protected] u jħalli l-kummenti tiegħu.