Join Us On:

News Archive

WASAL IL-JUM …

Wasal il-jum tant mistenni, jum li ilna nixxenqu għalih sewwa sew mill-għada tal-festa tas-sena l-oħra, jum fejn ħsibijietna jkun biss fuq ħaġa waħda – San Ġorġ !   Illum is-Sibt lejlet is-solennità għandna programm varjat.  Ġewwa l-Bażilika Mons Isqof Mario Grech imexxi t-translazzjoni solenni u fl-istess okkażjoni jinħatar uffiċjalment Kanonku Onorarju ġdidu fil-Kapitlu Ġorġjan, Dun Joseph Zammit.  Id-diriġenti ta’ dan is-sit elettroniku jawgurawlu l-isbaħ xewqat għal din il-ħatra.

Illejla kif mistenni se jkun hemm programm mill-Banda Ċittadina King’s Own taħt it-tmexxija tas-Surmast Dr John Galea ġewwa Pjazza San Ġorġ.  Dritt wara il-Banda Ċittadina La Stella ddoqq l-innu l-kbir taħt id-direzzjoni tal-Prof. Joseph Vella.  Kif jispiċċa l-innu jibda marċ kolossali bis-sehem tal-Banda tagħna u l-King’s Own bħala massed band fi Triq ir-Repubblika.  Wara, spettaklu pirotekniku kbir fi Triq ir-Repubblika organizzat mill-Għaqda Żgħażagħ La Stella.

Għada, l-qofol jintlaħaq fil-Pontifikal immexxi minn Mons Isqof fil-Bażilika Ġorġjana flimkien mal-Kapitlu u l-kleru. Dritt wara jkollna l-marċ popolari ta’ filgħodu bis-sehem tal-baned ta’ Sant’ Elena (B’Kara) u San Ġorġ (Ħal-Qormi).  Fit-3pm spettaklu bil-karti u l-mużika sinkronizzata organizzat mill-Għaqda Żgħażagħ La Stella.  Minn hemm lura nibdew nistennew biex jasal il-mument li fih Ġorġi jintlaqa fil-bieb tal-Bażilika, quddiem pjazza ippakkjata bin-nies fost il-kant tal-innu popolari  Georgius Natus Est (1984) u l-famuż innu marċ kif popolarment magħruf “Ġorġi Tagħna”.

Intant qed nurukom xi ritratti mill-aħħar jumejn tal-festa.

(Ritratti: Toni Farrugia u Mario Casha)