WARA L-FUNEBRI… JIĠU L-BRIJUŻI
Wara li fil-ġimgħat li għaddew il-banda kienet impenjata fil-preparazzjoni tal-marċi fuenbri l-ġodda li ġew imżanżna fil-purċissjoni tal-Ġimgħa l-Kbira li ħarġet mill-bażilika ta’ San Ġorġ, il-bieraħ il-banda taħt id-direzzjoni tas-surmast direttur Joseph Vella bdiet il-preparazzjoni tal-marċi brijużi. Il-kunċerti preparatorji tal-marċi brijużi li issa jibdew isiru kull nhar ta’ Ħadd filgħodu, isiru fis-Sala Mro Giuseppe Giardini Vella. Dawn il-marċi li ser jiżżanżnu fl-ewwel dimostrazzjoni minn tlieta fil-festa ta’ San Ġorġ Martri f’Lulju li ġej, għandhom jiġu rrekordjati fuq CD fix-xahar ta’ Ġunju, biex imbagħad ikun hemm żmien biżżejjed biex jinbiegħ lil dawk il-mijiet ta’ dilettanti li jsegwu l-baned lokali.
L-ewwel impenn fil-festi sajfin ikun proprju fl-aħħar Ħadd ta’ Mejju, fl-ewwel festa f’Għawdex – dik tal-Munxar f’ġieħ San Pawl. Il-banda tagħna li ilha tieħu sehem f’din il-festa għal bosta snin, tagħmel marċ qabel il-purċissjoni, iddoqq l-innu f’ġieh San Pawl waqt il-ħruġ tal-purċissjoni u wara tesegwixxi programm mużikali fil-pjazza. Għall-festi kollha li jiġu qabel dik ta’ San Ġorġ u li għalihom tkun mistiedna l-banda ‘La Stella’, jindaqqu l-marċi brijużi li ġew imżanżna fil-festa ta’ l-2007. L-impenji fis-Sajf għall-banda ‘La Stella’ huma ħafna – hija tiġi mistiedna f’disa’ festi oħra f’Għawdex: fil-Munxar, l-Għasri, il-Fontana, ix-Xewkija, in-Nadur, Sannat, il-Qala, San Lawrenz u Għajnsielem. Huma biss erbgħa l-festi fl-istaġun tas-Sajf f’Għawdex li l-banda tagħna ma tieħux sehem fihom.
F’dawn il-festi l-banda tesegwixxi numru ta’ programmi mużikali – xi ħaġa sinonima mal-banda tagħna; takkumpanja purċissjonijiet; u tieħu sehem f’marċijiet popolari fil-jiem ewlenin ta’ uħud minn dawn il-festi. Il-preparazzjoni għal dawn l-impenji bdiet, u hawn wieħed irid mill-ġdid juri rikonoxximent lis-surmast direttur flimkien mal-bandisti kollha ta’ l-impenn li juru biex dan kollu jkun possibbli.