Join Us On:

News Archive

WARA L-EWWEL JUM TAT-TRIDU

Jum wara l-ieħor qiegħda tkompli l-festa kbira ta’ l-Għawdxin, il-festa ta’ San Ġorġ Martri, festa li x-xejra tagħha hija ferm ibbażata fuq ir-reliġjuż u dak kollu li jsir u jiġi organizzat b’tant pompa fil-Bażilika Ġorġjana, ċerimonji mimlija fervur nisrani bis-sehem tal-kapitlu Ġorġjan u bosta saċerdoti oħra fi ħdan l-eqdem parroċċa f’Għawdex.

Il-bieraħ, l-Erbgħa 11 ta’ Lulju 2007, ingħata bidu solenni għat-tlett ijiem tat-tridu, b’għasar kantat mill-kor residenti Laudate Pueri u akkumpanjat minn diversi solisti u kantanti miġjuba għall-festa mir-Ruma. Imbagħad, wara l-għasar solenni mmexxi minn Mons. Coronato Grima, Kappillan f’Ġibiltà, bi knisja imballata bin-nies, niseġ l-ewwel priekda tat-tridu ad unur San Ġorġ, Fr Geoffrey George Attard, li bi kliem u espressjonijiet mirquma ta gieħ mistħoqq lil dan il-kbir qaddis megalomartri, San Ġorġ. U hekk kif spiċċat l-ewwel priedka kien imiss issa l-kant ta’ l-innu ‘Georgi Miles Inclite’, xogħol impekkabbli ta’ Mgr Giuseppe Farrugia, tal-Vers, bis-sehem sħiħ ta’ orkestra, kor sħiħ maskili, tenur u baritonu barranin immexxija b’abiltà kbira mis-surmast Prof. Joseph Vella, maestro di cappella. Wara dan kollu tkantat l-antifona u mbagħad il-Kanonku Dun Tonio Galea għalaq din iċ-ċerimonja bl-għoti tal-barka sagramentali u l-bews tar-relikwija ta’ San Ġorġ.

Wara inqas minn nofs siegħa kien imiss issa li jitkomplew il-festi esterni, festi kbar fit-toroq u pjazez tal-Belt Victoria. Dawn ta’ filgħaxija ingħataw bidu permezz ta’ żewġ baned minn żewġ lokalitajiet diversi, minn wara San Frangisk, fortizza oħra Ġorġjana. Hekkhu, minn Triq Isqof Pietru Pace bdiet b’marċi festivi l-banda mistiedna, dik ta’ ‘Santa Margerita’ tas-Sannat, Għawdex, banda immexxija mis-surmast Josef Debrincat, banda li ġiet milqugħa minn uffiċċjali tas-Soċjetà La Stella, s-sur Anton Vella u l-PRO Manuel Grima, b’dawn ta’ l-aħħar jakkumpanjaw lil din il-banda lejn Pjazza San Frangisk. U mbagħad, fl-istess ħin, min-naħa l-oħra tat-triq, jiġifieri dik ta’ Għajn Qatet, nbeda marċ ieħor mill-Banda Ċittadina ‘La Stella’ akkumpanjata mis-surmast Joseph Vella, l-President Dr Joseph Grech, is-sur Dolindo Cassar, segretarju u diversi uffiċċjali oħra fi ħdan is-Soċjetà tagħna. F’kemm ilni ngħidlek dawn iz-żewġ baned iltaqgħu quddiem il-faccata mixgħula ta’ San Frangisk fejn imbagħad grupp kbir ta’ żgħażagħ ressqu lill-istatwa artistika ta’ San Ġorġ fuq iż-żiemel.

Ta’ min jgħid li llum ukoll il-Banda La Stella daqqet għall-ewwel darba s-sett ta’ marċi ġodda l-ġmiel tagħhom. Is-sett ta’ din is-sena ġie milqugħ ferm tajjeb. Għal sena oħra għandna għażla oħra mill-aqwa ta’ marċi, li bla dubju ser ikomplu jkabbru fl-entużjażmu u fil-briju f’din il-festa. Dan is-sett ġdid jinsab ukoll irrekordjat fuq CD u Cassette u jinsab għall-bejgħ mill-każin tagħna u mill-ħwienet ewlenin għall-prezz ta Lm5.

Mill-pjazza ta’ San Frangisk, il-baned u l-folla Ġorġjana mxew lejn Triq Palma u mbagħad ingħaqdu mal-mijiet l-oħra preżenti fi Triq ir-Repubblika fost id-daqq brijuż tal-marċi festivi, marċi li jġibu magħhom tant u tant xalar u briju, marċi li jingħaqad magħhom kulħadd, dak Ġorġjan u mhux. Fejn ħa tara dan nies kollha, f’marċ nhar l-ewwel jum tat-tridu?! Żgur mhux f’xi marċ nofs kedda li jsir il-kappuċini, fejn iżjed tara membri tal-kumitat milli nies! Minn hawnhekk nixtiequ ngħidu prosit kbir lid-direzzjoni tas-Soċjetà La Stella, Soċjetà li llum tgħallem, tmexxi u tiggwida lil kulħadd il-mod ta’ kif isiru festi esterni, festi li ma huma neqsin assulutament minn xejn.

Mhux ta’ b’xejn li l-festa ta’ San Ġorġ hija magħrufa bhala l-festa ta’ Għawdex. Kemm kien miskin dak li darba azzarda jlissen li s-Soċjetà La Stella hija biss ċellula fil-festa ta’ San Ġorġ. Iż-żmien wera’ mod ieħor, is-Soċjetà La Stella hija fost l-aqwa kemm f’dik li hija organizzazzjoni, armar, briju, u marċi. Is-Soċjetà tagħna għandha r-responsabbilità esklussiva li torganizza l-festi esterni ta’ San Ġorġ Martri. U din is-sena, b’mod speċjali, fejn qegħdin saħansitra nfakkru u niċċelebraw 125 sena ta’ festi esterni li kienu ġew fdati lilna, lill-missirijietna, dawk li mill-ewwel fehmu li l-festa ta’ San Ġorġ kienet suprema, festa mimlija storja u tradizzjoni.

Intant il-massa kbira tan-nies komplew joħonqu l-Pjazza San Ġorġ fejn hawnhekk taw merħba mill-ikbar lill-Banda La Stella u lill-istatwa ta’ San Ġorġ. Inbeda gran finali bid-daqq ta’ aktar marċi fejn imbagħad bl-innu popolari ‘Lill-Kbir Martri San Ġorġ’, fost iċ-ċapċip u kant kontinwu ta’ l-eluf li ħonqu l-pjazza, l-istatwa ittellgħet fuq il-pedestall tagħha.

U hekk ingħalqet ġurnata oħra ta’ din il-festa kbira, l-Erbgħa 11 ta’ Lulju 2007, it-triqat u l-pjazzez tal-Belt Victoria reġgħu raw eluf kbar ta’ nies jiffesstiġjaw il-festa meravilja ta’ San Ġorġ Martri, ta’ San Ġorġ tagħna. U dan kollu l-Erbgħa, f’nofs il-ġimgħa, ħbieb, il-KBIR għadu ġej…

ritratti: Joe Attard