VIVA NABUCCO …!
Is-suċċess kbir bl-opra Nabucco fit-Teatru Astra jikkonferma għal darba oħra li t-tim ta’nies li għandna huma lkoll validi u kapaċissimi. Nibdew billi nsemmu lis-surmast, il-Prof. Joseph Vella, li kellu taħt it-tmexxija tiegħu l-orkestra nazzjonali u l-aspetti kollha mużikali, u lil Enrico Stinchelli, għat-tmexxija artistika fejn għal darba oħra rnexxielu jżewwaq it-tradizzjoni operistika mat-teknoloġija ġdida biex ħoloq spettaklu ta’ kulur u xenarju mill-isbaħ. Huwa mpossibbli li jissemmew in-nies kollha nvoluti imma jibqa’ l-fatt li dan kien suċċess ta’ tim kbir fejn kulħadd għamel il-parti tiegħu anke xi drabi fi rwoli li ma jidhrux jew li ma jinstemgħux. L-input ta’ kulħadd iwassal għal riżultati bħal dawn fejn il-“prodott” finali mhux biss jintgħoġob imma “jinbiegħ”, xhieda ta’ dan huwa l-fatt li għal darba oħra iż-żewġ serati kienu “fully-booked” u minkejja li avżajna fuq il-mezzi ta’ komunikazzjoni, in-nies baqgħu jċemplu sal-aħħar sigħat biex jippruvaw jixtru t-“tickets” huma fejn huma ! Dan huwa l-aqwa ċertifikat li wieħed jista’ jirċievi meta jtella’ produzzjoni ta’ dan il-livell. Parti minn dan is-suċċess huwa wkoll dovut għall- fatt li fit-Teatru Astra jinġiebu kantanti ta’ livell internazzjonali u fama mondjali, liema kantanti juru x-xewqa li jerġgħu jieħdu sehem f’din l-esperjenza minn sena għal oħra. Għalihom l-imħabba tal-voluntiera tal-post lejn l-opra u t-Teatru Astra hija ħaġa li taffaxxinahom ħafna u anke huma jibdew iħossuhom parti mill-familja tat-Teatru Astra. Mhux hekk biss, imma jsibu wkoll ispirazzjoni kbira meta jaraw tim ta’ voluntiera żgħażagħ jaħdmu flimkien ma’ oħrajn akbar minnhom biex b’hekk it-Teatru Astra jkompli jiġġedded minn sena għal oħra.
Dan kollu huwa essenzjali biex inħarsu lejn futur akbar u aħjar. Għadna kif spiċċajna Nabucco … u ġa bdejna naħdmu fuq La Bohéme ta’ Giacomo Puccini. Il-booking huwa miftuħ.
(Ritratti tan-Nabucco: Joe Attard)