VALZI U AKTAR VALZI F’JUM L-GĦID IL-KBIR
Il-bieraħ, il-knisja kattolika ċċelebrat l-akbar festa fil-kalendarju liturġiku: dik tal-qawmien mill-mewt ta’ Sidna Ġesu’ Kristu. Fi gżiritna saru numru kbir ta’ purċissjonijiet li fakkru din ir-rebħa fuq il-mewt ta’ Kristu. F’beltna wkoll, mill-bażilika ta’ San Ġorġ, fil-qalba tal-belt saret dimostrazzjoni reliġjuża bl-istatwa artistika ta’ Kristu Rxoxt xogħol Alfred Camilleri Cauchi. Id-dimostrazzjoni bdiet fid-8.45am minn pjazza San Ġorġ bis-sehem tal-banda ċittadina La Stella. Għal din id-dimostrazzjoni l-banda għażlet li ddoqq sett sabiħ ta’ valzi tradizzjonali minflok marċi brijużi li jindaqqu fi kwalunkwe festa oħra. Id-dimostrazzjoni għaddiet lejn Triq Karita’, Triq Vajrinġa, Pjazza San Franġisk, Triq Palma, Triq ir-Repubblika, Pjazza Indipendenza u lura lejn Pjazza San Ġorġ. Bħas-soltu din id-dimostrazzjoni ġibdet lejha ammont kbir ta’ nies fosthom numru kbir ta’ turisti. Id-dimostrazzjoni ntemmet fil-11.00 bid-dħul solenni tal-istatwa lura fil-bażilika, fejn imbagħad l-E.T. Mons. Isqof Mario Grech mexxa pontifikal bis-sehem tal-kapitlu Ġorġjan.
Għall-banda La Stella dan ma kienx l-uniku servizz nhar l-Għid il-Kbir. Filgħaxija, il-banda ħadet sehem f’dimostrazzjoni oħra bl-istatwa ta’ Kristu Rebbieħ, li ħarġet mill-parroċċa tal-Qalb ta’ Ġesu’ fil-Fontana, parroċċa li hija qrib ħafna s-Soċjeta’ tagħna. Hawn ukoll il-banda esegwiet numru sabiħ ta’ valzi tradizzjonali.
Il-banda ċittadina La Stella tkompli bl-impenji tagħha fil-ġimgħat li ġejjin, bil-preparazzjoni għar-rekording tal-marċi brijużi, kif ukoll għall-festa liturġika ta’ San Ġorġ Martri, nhar il-Ġimgħa 23 ta’ April.
Ritratti: Joe Attard