“VA PENSIERO …”
Il-bieraħ filgħaxija fit-Teatru Astra saret b’suċċess kbir l-ewwel rappreżentazzjoni tal-opra ta’ Giuseppe Verdi Nabucco. Il-meravilja tal-effetti speċjali tad-dawl u projections flimkien mas-sett u l-kostumi ħolqu spettaklu kbir, u l-apprezzament tal-udjenza kien evidenti hekk kif spiċċat l-opra. Il-kor u solisti, li lkoll kellom opra impenjattiva ħafna, ħarġu bl-unuri kollha.
Ta’ dan is-suċċess kollu nirringrazzaw lil dawk kollha li kienu nvoluti speċjalment lid-direttur artistiku Enrico Stinchelli u lis-Surmast l-Prof. Joseph Vella li kellu taħt idejħ l-orkestra nazzjonali. Is-suċċess li nkiseb huwa mertu ta’ ħafna nies.
Imma l-aktar sodisfazzjon u l-aktar ċertifikat importanti huwa l-fidjuċja li t-Teatru Astra jgawdi fejn tidħol l-opra lirika. Xhieda ta’ dan huwa l-fatt li għal darba oħra iż-żewġ rappreżentazzjonijiet kienu FULLY-BOOKED minn jiem qabel. Sa dalgħodu stess għandna qed nirċievu numru ta’ telefonati u talbiet kemm minn Maltin kif ukoll minn barranin għal aktar biljetti imma sfortunatament ma baqax aktar. Dan huwa l-aqwa riżultat li wieħed jista’ jikseb.
Għalhekk għall-opra ta’ Giacomo Puccini La Bohème tas-sena d-dieħla tħallux għall-aħħar, ibbukkjaw minn kmieni biex ma tkunux diżappuntati ! Aktar informazzzjoni fuq www.mediterranea.com.mt jew 21550985.
(Rittratt fuq barra ta’ Joe Attard waqt il-provi ta’ Nabucco)