UNFORGETTABLE… SERATA LI MA TINTESIEX
L-awditorju tat-Teatru Astra imtela sa ruħ ommu bl-aktar udjenza mżewqa li ra Festival Mediterranea fl-edizzjoni ta’ din is-sena, meta nhar is-Sibt li għadda, 14 ta’ Novembru 2009, fis-7.30pm, ittellgħet is-serata Unforgettable: A tribute to great artists, bi produzzjoni tas-Centre Stage Dance Academy f’kollaborazzjoni mad-direzzjoni tat-teatru u l-organizzaturi tal-festival. Għaliha attendiet il-Ministeru għal Għawdex, l-Onor. Giovanna Debono, u kien preżenti wkoll il-president tas-Soċjetà Filarmonika La Stella, Dr Joseph Grech, flimkien ma’ uffiċċjali oħra tas-Soċjetà.
Tassew ma setax jintgħażel isem aħjar għal din il-wirja spettakolari ta’ koreografija, żfin, drama, dawl u kostumi, li involviet ’il fuq minn mija u ħamsin – bejn tfal żgħar, adoloxxenti u żgħażagħ, u adulti – fi produzzjoni mill-aqwa li żammet lil kulħadd attent għal kważi tliet sigħat sħaħ u ma qalgħetx ħlief rimarki ta’ tifħir minn dawk kollha li ppakkjaw is-sala. Il-produzzjoni, il-koreografija u d-direzzjoni artistika kienu f’idejn Natalie Sciortino, tfajla ta’ għoxrin sena mir-Rabat, li, bl-inizjattiva tagħha u misjuqa mill-imħabba li sa minn età żgħira kellha lejn iż-żfin, laqqgħet dan in-numru kbir ta’ partiċipanti, minn etajiet u stili ta’ ħajja differenti, biex setgħu jtellgħu show ta’ din il-kwalità. Waqt li t-Teatru Astra, bieżel daqs naħla, kien għaddej b’ritmu mgħaġġel fuq il-produzzjoni kbira ta’ l-opra Rigoletto, il-kast numeruż ta’ Unforgettable ukoll kien bla nifs bi provi wara provi, kultant anki sa tard bil-lejl, biex is-serata tas-Sibt li għadda tkun waħda professjonali u li tagħti gost lil kulħadd.
Kien ta’ pjaċir li wieħed jinnota bosta familji żgħażagħ, li forsi rappreżentazzjonijiet ta’ ġeneru iktar “serju” bħalma hi l-opra ma jħajruhomx, jimlew l-awditorju, flimkien ukoll ma’ nies li kważi qatt ma kellhom ix-xorti jersqu lejn it-Teatru Astra. Ta’ min ifaħħar ukoll l-inizjattiva tas-Soċjetà Filarmonika La Stella, l-organizzatriċi ewlenija ta’ Festival Mediterranea, li qed tagħti lok għal produzzjonijiet ta’ din il-kwalità, biex hekk minn sena għall-oħra l-festival iktar qed isir borma mħawra b’ġenri differenti ta’ mużika u teatru, maħduma b’mod professjonali u f’sintonija max-xewqa ta’ l-organizzaturi li jirreklamaw il-kultura Għawdxija anki lil hemm mix-xtut ta’ gżiritna. Ir-rispons tal-pubbliku għal dan it-tip ta’ teatru jirrifletti l-għatx li hawn għal iktar produzzjonijiet simili.
Unforgettable kienet verament serata ta’ ġenri differenti ta’ żfin li ġiet maħsuba bħala “tribut” lil artisti kbar fil-qasam mużikali kontemporanju, bħalma huma Frank Sinatra, Madonna, Elton John, Celine Dion, Enrique Iglesias, Andrea Bocelli, Laura Pausini, il-gruppi leġġendarji The Beatles, Abba u Queen, kif ukoll il-kantanti lokali Sammy Bartolo u Dominic Grech. Minn fost l-aqwa diski ta’ dawn, u oħrajn magħhom fix-xena mużikali ta’ żmienna, l-organizzaturi għażlu l-mużika bħala bażi għal wirjiet ta’ żfin bi stili u ritmi differenti: tmienja u tletin diska differenti, bejn Malti, Ingliż u Taljan.
Imma l-protagonist tas-serata kien żgur il-kantant Michael Jackson, magħruf bħala l-ġgant tal-mużika pop, li ħalliena fl-aħħar xhur. Mhux biss rajna interpretazzjonijiet eċċellenti taż-żfin u l-mużika tiegħu, imma lejn tmiem il-produzzjoni ntwera vidjo qasir bħala tislima lil dan l-artist, waqt li għall-final il-parteċipanti kollha ħarġu fuq il-palk ikantaw id-diska tiegħu Heal the world. Iż-żfin hu arti mill-aqwa ta’ kif nies b’karattri differenti jistgħu jinfeħtu għal xulxin u eventwalment itejbu s-soċjetà li fiha jgħixu: dan l-aspett ħareġ ħafna mill-interpretazzjoni li tawna ż-żeffiena kollha tas-Centre Stage Dance Academy. Għal xi wħud minnhom dan tas-Sibt kien id-debutt tagħhom, waqt li għal oħrajn kien l-okkażjoni li għenithom jirbħu l-kunfidenza quddiem udjenza daqshekk kbira.
Festival Mediterranean 2009 issa riesaq lejn l-għeluq tiegħu bl-aħħar appuntament speċjali fuq il-kalendarju tiegħu jkun dak tal-Kunċert Sinfoniku Annwali tal-Banda Ċittadina u Dekana La Stella, nhar is-Sibt li ġej, 21 ta’ Novembru 2009, fis-7.30pm, li fost l-oħrajn sa jinkludi wkoll interpretazzjonijiet u arranġamenti ta’ kompożizzjonijiet ċelebri bħall-1812 Overture ta’ Tchaikovsky u l-Carmina Burana ta’ Carl Orff.