Join Us On:

News Archive

TONI VELLA ĦALLIENA

Illum l-Erbgħa 16 ta’ Lulju, Toni Vella, membru fil-kumitat ċentrali tas-Soċjetà Filarmonika ‘La Stella’, ħalla din id-dinja wara marda qalila. Huwa ħalla dan il-wied tad-dmugħ kmieni dalgħodu għall-ħabta ta’ l-4.00, wara ġimgħat sħaħ fl-Isptar Ġenerali t’Għawdex. Huwa ħalla jibku t-telfa tiegħu martu Grace, uliedu Joann u r-raġel Charles, Danielle u r-raġel Reuben, Marietta u r-raġel Duncan, in-neputijiet Nicole, Matthew u Laura u bosta familjari u qraba oħra, u bosta ħbieb l-aktar fi ħdan is-Soċ. Filar. La Stella.

Is-Soċjetà Filarmonika ‘La Stella’ tixtieq tingħaqad ma’ bosta ħbieb, u partitarji Ġorġjani, biex tagħti l-kondoljanzi sinċiera lill-familjari ta’ seħibna Toni Vella. Minn din il-paġna nixtiequ nsellmu lil din il-persuna li tat mhux ftit b’risq is-Soċjetà ‘La Stella’. Toni Vella ilu għal dawn l-aħħar 42 sena membru fil-kumitat ċentrali tas-Soċjetà fejn okkupa diversi karigi fosthom dik ta’ viċi-president għal diversi snin. Tul dawn is-snin kollha huwa ma’ qata’ xejn mill-ħidma tiegħu b’risq is-Soċjetà tagħna u eżempju sħiħ ta’ lealtà u rispett li dejjem wera lejn is-Soċ. Filar. La Stella. Toni Vella li ħalla dan il-wied ta’ dmugħ fl-età ta’ 69 sena, kien jaħdem bi sħiħ b’mod speċjali tul il-ġbir ta’ fondi għall-festa ta’ San Ġorġ li tant u tant kien jgħożż.

Illum, proprju fil-ġimgħa tal-festa li tant kienet għażiża għalih, il-Mulej għoġbu jsejjaħlu biex jingħaqad miegħu u mal-patrun tagħna San Ġorġ. M’hemmx dubju li hu żgur ser ikun isegwina minn hemm fuq flimkien ma’ l-Imqaddes Martri Ġorġi f’dawn il-jiem ta’ festa f’beltna. Bħala sinjal ta’ luttu, is-Soċjetà ‘La Stella’ flimkien ma’ l-Għaqda tan-Nar ta’ l-istess Soċjetà għażlu li bejn illum u għada f’nofsinhar ma jinħaraqx logħob tan-nar ta’ l-ajru.

Għada l-Ħamis 17 ta’ Lulju, is-Soċjetà Filarmonika ‘La Stella’ ser tagħti l-aħħar tislima lil Toni Vella, bis-sehem tagħha tul il-funeral, li ser jibda minn Triq ir-Repubblika, bid-daqq ta’ marċi funebri. Il-korteo funebri jibda fl-4.30pm u jkun segwit minn quddiesa funebri fil-bażilika ta’ San Ġorġ. Inħeġġu lil dawk kollha li b’xi mod jew ieħor huma involuti fi ħdan is-Soċjetà tagħna biex għada jingħaqdu flimkien mal-banda ċittadina ‘La Stella’ ħalli nagħtu tislima xierqa lil bniedem li tant u tant ħadem biex jara lis-Soċjetà tagħna tikber u tissaħħaħ.

INSELLMULEK ĦABIB! TIBQA’ F’QALBNA GĦAL DEJJEM!

AGĦTIH O MULEJ IL-MISTRIEĦ TA’ DEJJEM

16/07/2008