Join Us On:

News Archive

TMIEM IL-FESTI ANNIVERSARJI

 

A5flyer-attivitajiet FINAL

Il-festi speċjali fil-Belt Victoria fl-okkażjoni tal-175 anniversarju mill-wasla ta’ l-ewwel statwa titulari ta’ Għawdex se jiġu konklużi fi tmiem din il-ġimgħa b’żewġ attivitajiet fil-Bażilika ta’ San Ġorġ, fejn hi meqjuma x-xbieha devota tal-qaddis minquxa f’zokk ta’ tuta minn Pietru Pawlu Azzopardi lejn l-1839.  Sa minn Jannar, imma b’mod speċjali f’April u f’Lulju, inżammu ċelebrazzjonijiet kbar u bosta inizjattivi ta’ formazzjoni biex ifakkru din il-ġrajja unika fl-istorja tal-gżira Għawdxija.

Nhar il-Ġimgħa li ġej, 31 ta’ Ottubru, l-Isqof ta’ Għawdex Mons. Mario Grech se jmexxi Korteo bil-kant tal-Litanija tal-Qaddisin li jitlaq fis-7.30pm minn Pjazza Santu Wistin, il-Belt Victoria.  Fit-8.00pm, tibda Ċelebrazzjoni tal-Vġili tal-Qaddisin Kollha fil-Bażilika, bit-tema “Intom poplu qaddis” (ara 1 Piet 2:5).

L-għada s-Sibt, f’Akkademja Mużiko-Letterarja fis-7.30pm, taħt il-patroċinju ta’ l-istess Isqof ta’ Għawdex, li hu wkoll id-Dekan tal-Kolleġġjata Ġorġjana, se jiġu mnedija żewġ tifkiriet uniċi ta’ din il-festa anniversarja.

Fi Pjazza San Ġorġ tiġi inawgurata l-Wirja San Ġorġ: 175 Sena Fostna b’tagħrif fuq din l-opra ta’ l-arti Neo-Klassika kif ukoll l-artist bravu li naqqaxha.  Il-wirja tibqa’ miftuħa sal-Ħadd 23 ta’ Novembru u sa tkun tista’ titgawda f’kull ħin tal-ġurnata.

Fl-istess okkażjoni, sa jitnieda l-ktieb San Ġorġ: L-ewwel statwa titulari ta’ Għawdex, b’ġabra ta’ kontribuzzjonijiet akkademiċi dwar l-istatwa kif ukoll għadd ta’ ritratti antiki li għandhom iqanqlu l-kurżità ta’ ħafna.  Din il-pubblikazzjoni ġdida tiswa €5 u tkun tista’ tinkiseb mill-Uffiċċju Parrokkjali tal-Bażilika (tel: 21556377; email: [email protected]).

Matul l-ewwel ġimgħa ta’ Novembru, min iżur il-Bażilika ta’ San Ġorġ sa jkun jista’ wkoll jammira mill-qrib għadd ta’ statwi ta’ Azzopardi miġbura apposta flimkien għall-ewwel darba taħt saqaf wieħed.

Il-Ħadd 9 ta’ Novembru, bħala għeluq tal-festi, sa jinżamm Pranzu Ċelebrattiv fil-Lukanda Calypso, Marsalforn.

Il-Bażilika ta’ San Ġorġ tixtieq tirringrazzja lill-Ministeru għal Għawdex, il-Kunsill Lokali tal-Belt Victoria, APS Bank u Lombard Bank ta’ l-appoġġ tagħhom f’dawn l-inizjattivi.

(Ritratt: Joe Attard)