Join Us On:

News Archive

TLIET SUĊĊESSI F’WIEĦED KBIR

Il-Grupp Folkloristiku Astra għadu kemm irritorna Malta wara l-mawra tiegħu fil-Portugall, fejn ħa sehem fil-FAROFOLK, festival internazzjonali li tella’ għat-tmien darba.  Għaliex tliet suċċessi f’wieħed kbir?  Għax barra fil-festival f’Faro, il-Grupp ħa sehem ukoll f’żewġ festivals internazzjonali oħra, li kienu l-Luz de Tavira Festival fil-Portugall, li kien qed isir għat-33 darba, u fil-31 edizzjoni tal-festival f’Villablanca, fi Spanja.
 
Il-qofol ta’ dan is-suċċess kien id-diversi wirjiet li l-Grupp Folkloristiku Astra ta f’Faro.  Eżatt mal-wasla tiegħu l-Grupp ħa sehem fil-ftuħ gala, fejn ta spettaklu fit-Teatru Muniċipali ta’ Faro, flimkien mal-gruppi l-oħra minn Faro, il-Latvja, it-Turkija, Franza, Kuba u l-Martinique.  Din is-serata tal-ftuħ tal-festival kienet trażmessa dirett anki permezz ta’ l-internet, kif kien ukoll il-grand finale.  Diversi partitarji segwew lill-Grupp tagħna minn fuq l-internet.  Is-sindku ta’ Faro, Josè Macario Correia, stieden lill-gruppi kollha fis-sala tal-Muniċipal fejn saru diskorsi ta’ ringrazzjament kemm mis-Sindku u kemm mill-organizzaturi tal-festival, u ġew mogħtija diversi rigali ta’ tifkira.
 
Wirjiet oħra li l-Grupp Folkloristiku Astra ta kemm dam Faro kienu f’ S.Bras Aportel-Verbena, ARPI, Alte Anfiteathre, f’dar ta’ tfal orfni u fil-pjazza prinċipali ta’ Faro.  Kull fejn il-Grupp ta l-ispettaklu tiegħu kien hemm preżenti udjenzi kbar li lkoll kellhom kliem ta’ tifħir, u l-Grupp kien miżmum bħala “il-grupp tat-tbissima u ferrieħi”.  Xhieda ta’ dan kienu l-applawsi kontinwi li kien jirċievi.
 
Għal dan il-festival il-Grupp ħareġ brochure ta’ 24 paġna bil-kulur, fejn wieħed isib il-messaġġi mill-Ministru għal Għawdex l-Onor. Giovanna Debono, mis-Segretarji Parlamentari l-Onor. Dr Chris Said u l-Onor. Dr Mario De Marco, mis-Sindku tar-Rabat Dr Samuel Azzopardi u mid-Direttur Artistiku tal-Grupp Anthony Zammit.  Fih ukoll informazzjoni dwar il-Grupp, il-mawriet li għamel tul dawn l-erbgħin sena, kif ukoll dwar il-gżejjer Maltin, b’mod partikulari Għawdex.  Dan seta’ jsir bl-għajnuna ta’ diversi sponsors li għoġobhom jirriklamaw fih, u li huma wkoll parti minn dan is-suċċess kbir.  Ta’ dan ngħidulhom “grazzi”, filwaqt li nixtiequ nistednuhom għas-serata spettakulari Għabex, li ser intellgħu nhar is-Sibt 27 ta’ Novembru 2010, fis-7.30pm, fit-Teatru Astra, bħala parti mill-festival fl-okkażjoni ta’ l-erbgħin anniversarju tal-Grupp Folkloristiku Astra.  Dettalji tal-festival li l-Grupp ser jorganizza bejn il-25 u t-28 ta’ Novembru 2010, biex ifakkar dan l-anniversarju tiegħu, jingħataw aktar ’il quddiem.  Nappellaw lill-partitarji Ta’ l-Istilla biex iħallu dawn il-ġranet liberi, filwaqt li jħajru lil oħrajn biex jattendu ħalli flimkien niċċelebraw dawn l-erbgħin sena mimlija suċċessi, wieħed wara l-ieħor, wieħed akbar mill-ieħor.

Links:
Filmati: Folkfaro 2010, Astra Folk Group
Website uffiċjali ta’ FolkFaro: www.folkfaro.com