TKOMPLI L-ĦIDMA MA’ L-ALLIEVI TAGĦNA
L-iskola tal-mużika fi ħdan is-Soċjetà Filarmonika La Stella kompliet aktar ma jmur tikber u tissaħħaħ u wara sena oħra ta’ ħidma kontinwa nistgħu ngħidu li ninsabu ferm sodisfatti bl-andament tat-tagħlim tal-mużika fil-Każin tagħna. Għandna numru tajjeb ħafna ta’ allievi li għadhom qed jistudjaw u jitħarrġu fl-istrument u fit-teorija, li għadhom ma ngħaqdux mal-banda. Barra dawn kif kulħadd jaf, in-numru ta’ żgħażagħ li għandna mal-banda tagħna huwa wieħed kbir ukoll. Tul dawn l-aħħar snin ħadna diversi inizjattivi biex inkomplu ngħinu u nimmotivaw lil dawn l-allievi, l-aktar permezz ta’ kunċerti organizzati apposta, fejn dawn it-tfal u żgħażagħ nagħtuhom l-opportunità li jdoqqu kemm bħala solisti, kif ukoll f’ensemble. Nemmnu bis-sħiħ li b’dan il-metodu, nistgħu nsaħħu u nkomplu ngħinu lill-allievi tagħna. F’dawn l-aħħar xhur organizzajna żewġ kunċerti li ġew milqugħa tajjeb ħafna mill-pubbliku li attenda. Għal darb’oħra ġejna mistiedna biex nieħdu sehem fil-Victoria International Arts Festival, festival li llum kiseb popolarità ferm kbira f’pajjiżna, u li qed jiġbed numru kbir ta’ turisti lejn beltna.
Proprju sena eżatt ilu tajna wkoll opportunità lil sitt bandisti żgħażagħ tagħna li jieħdu sehem fi programm ta’ l-Unjoni Ewropea, ġewwa l-Awstrija. Dawn iż¬-żgħażagħ ħadu sehem flimkien ma’ 30 żagħżugħ u żagħżugħa minn ħames pajjiżi differenti, membri ta’ l-UE, li huma l-Awstrija, il-Belġju, Spanja, Franza, u l-Irlanda. Iż-żgħażagħ tagħna kienu l-uniċi rappreżentanti ta’ pajjiżna. Kienet esperjenza unika għalihom, fejn mhux biss iddivertew u żaru postijiet ferm interessanti f’Tirol, l-Awstrija, iżda wkoll tellgħu preżentazzjoni dwar pajjiżna, u kellhom l-opportunità li jdoqqu f’ensemble, waqt waħda mis-serati msejħa “International Day”, serata li fiha attendew ukoll fost l-oħrajn tliet sindki minn tliet lokalitajiet ġewwa Tirol li huma Stams, Oetz u Sautens. Din l-opportunità għal dawn iż-żgħażagħ waslet grazzi għall-ħidma li saret mill-Membru Parlamentari Ewropew Joseph Muscat, u s-sur David Bartolo, flimkien mal-President tas-Soċjetà Dr. Joseph Grech u s-sur Christian Abela. Wara din l-esperjenza indimentikabbli għaż-żgħażagħ u għas-Soċjetà “La Stella”, nittamaw li fis-snin li ġejjin, is-Soċjetà tagħna tibqa’ tgawdi u tieħu sehem fi programmi oħra ta’ l-UE, u b’hekk nibqgħu nkabbru l-isem tas-Soċjetà mużikali tagħna madwar diversi pajjiżi Ewropej. L-istess bħalma ġara f’Catania fl-1947, fejn il-banda tagħna kienet l-ewwel waħda minn gżiritna li daqqet barra minn Malta, hekk ukoll f’Settembru li għadda, konna l-ewwel banda Għawdxija li ħadna sehem fi programm ta’ l-UE għaż-żgħażagħ.
Intant il-ħidma tagħna, ma tiqafx hawn. Fix-xhur li ġejjin, qed nippjanaw li ntellgħu aktar kunċerti bl-allievi tagħna, kif ukoll inressqu lil dawn l-allievi u lill-bandisti żgħażagħ tagħna għall-eżamijiet fuq l-istrument u fit-teorija. Inħeġġu aktar tfal u żgħażagħ biex jingħaqdu magħna u jibdew jitħarrġu fuq xi strument mal-banda. Il-banda hija r-ruħ tas-Soċjetà tagħna, u għalhekk huwa xieraq li nkomplu naħdmu bi sħiħ u nagħtu l-importanza meħtieġa lis-sezzjoni ta’ l-allievi tal-banda, u b’hekk inkomplu nibnu għall-futur. Għalkemm is-Soċjetà tagħna hija l-eqdem waħda f’Għawdex, l-element żagħżugħ fil-banda għadu ħaj u dan grazzi għall-ħidma kbira li qed issir mill-għalliema ta’ l-allievi li huma George Apap u Noel Beck (Woodwind Section) u Michel Refalo (Brass Section).
It-Tagħlim tal-mużika fil-każin tagħna huwa offrut b’xejn. Minn hawn inħeġġu aktar tfal u żgħażagħ biex jitħajru jitgħallmu xi strument mużikali mal-banda tagħna. Min huwa interessat għandu jikkuntattja lil xi membru tal-kumitat jew lil xi wieħed mill-għalliema tal-mużika.