TKOMPLI L-FESTA TA’ SAN ĠORĠ
It-Tridu Solenni ntemm il-bieraħ meta Dun Richard N. Farrugia wassal ħafna tagħlim fuq San Ġorġ u fuq kif għandna nimitaw lil dan il-Qaddis Patrun u Protettur tagħna. Wara, bħal bqija tal-jiem tat-tridu indaqqet l-antifona Beatus Georgius (pre-1890), mużika ta’ Mro Paolo Fiammingo (seklu 19) u versi ta’ San Pier Damiani (1007-1072).
Filgħaxija imbagħad kien hemm diversi attivitajiet tal-festi esterni, fosthom, marċ u kunċert mill-Banda Prekursur tax-Xewkija u dimostrazzjoni trijonfali bl-istatawa grandjuża ta’ San Ġorġ Rebbieh (1894), kapulavur ta’ Vincenzo Cremona u l-ewwel statwa għall-festi esterni f’Għawdex. Tmexxi din id-dimostrazzjoni kien hemm il-Banda Ċittadina La Stella u l-Banda Santa Margerita (Ta’ Sannat). Wara li San Ġorġ ittella’ fuq il-pedestall, saret l-inawgurazzjoni tal-pedestall monumentali wara intervent ta’ restawr li sar fuqu. L-attività spiċċat bi preżentazzjoni awdjo-viżiva fuq il-pedestall monumentali.
Dalgħodu, fl-10 am kien hemm konċelebrazzjoni Pontifikali ppreseduta mill-E.T. Mons. Gużeppi Mercieca, Arċisqof Emeritu ta’ Malta, bis-sehem tal-Kapitlu u l-Kleru tal-Bażilika, li fi tmiemha jsir il-kant solenni tat-Te Deum. Fil-ħdax imbagħad il-marċ mill-banda tagħna hekk magħruf tat-Te Deum telaq minn Pjazza San Ġorġ u spiċċa fil-Każin La Stella fejn kien hemm riċeviment.
Intant nixtiequ wkoll ninfurmaw lil dawk interessati li ħareġ il-ktieb/programm tal-festa, “Festi San Ġorġ 2012” u jista’ jiġi akkwistat mill-Każin La Stella għal donazzjoni ta’ €3.