Join Us On:

News Archive

TKOMPLI L-FESTA L-KBIRA TA’ L-GĦAWDXIN

Hekk kif il-jiem igerrbu l-festa kbira tal-Ġorġjani u l-Għawdxin kollha tkompli t-triq tagħha b’folol kbar jimlew il-pjazzez u t-triqat tal-Belt Victoria. Mas-sbieħ ta’ jum il-Ħamis, 12 ta’ Lulju 2007, il-murtali reġgħu taw merħba lil jum ieħor fil-kullana ta’ ġranet sbieħ li qegħdin ifakkru u jiċċelebraw din l-akbar festa tal-Ġorġjani Rabtin, dawk Qormin u fuq kollox ta’ l-eluf li kull fil-għaxija jingħaqdu magħna għal manifestazzjoni wara l-oħra fil-pjazez u t-triqat ewlenin tal-Belt Victoria.

Mas-6.30 ta’ filgħaxija bdiet il-funzjoni reliġjuża, it-tieni jum tat-tridu, għasar solenni bis-sehem tal-kapitlu Ġorġjan immexxi mill-Wisq Rev. Arċ. Mons. Ġużeppi Farrugia u bis-sehem sħiħ tal-Kor Laudate Pueri. Wara l-għasar solenni u f’bażilika mimlija bil-parruċċani Ġorġjani ngħata bidu għat-tieni priedka tat-tridu. Mill-ġdid smajna ħerqana lil Fr Geoffrey Attard, qassis żagħżugħ b’għeruq Ġorġjani, jkompli jinseġ messaġġ ta’ tifħir lill-kbir martri ta’ Kristu, San Ġorġ. Hekk kif spiċċa l-predikatur jinseġ innu ta’ tifħir mistħoqq lil Ġorġi tagħna, tkompliet il-funzjoni, funzjoni li llum kienet immexxija mill-Arċipriet tal-Qala u wild il-parroċċa tagħna, il-Kan. Dun Joe Zammit, Kanonku Onor. tal-Kapitlu Ġorġjan. L-orkesta, s-solisti barranin u l-kor għannew aktar tifhir bl-innu sabiħ ta’ Mons Giuseppe Farrugia, tal-Vers, mużika li hekk kif tkun tindaqq u titkanta timliek b’ferh b’liema bħalu. U dan bir-raġun, il-għaliex fejn, f’liema knisja f’Malta u Għawdex ser tiltaqa’ ma’ daqshekk mużika, mużika raffinita, muzika li tħabbatha ma’ l-aqwa li nsibu u ngawdu fl-Ewropa kulturali. Dan jikkonfermawh in-numru kbir ta’ Maltin u turisti li jiġu apposta biex jisimgħu dawn l-innijiet u l-kumplament ta’ mużika mill-isbaħ fil-bażilika tagħna. Il-funzjoni ingħalqet bid-daqq melodjuż ta’ l-antifona u wara tkompliet bil-barka sagrementali u l-bews tar-relikwija ta’ San Ġorġ Martri.

IKOMPLU L-FESTI ESTERNI

Wara l-funzjoni ġol-bażilika, funzjoni li tressaq lejha mijiet ta’ nies, kien imiss issa li tibda l-parti esterna, l-festa ta’ barra. U l-Ħamis, bħall-jiem ta’ qabel, kien karetterizzat b’żewġ baned lokali, din id-darba żewġ baned mill-irħula tal-Qala u tax-Xewkija., l-‘Ite ad Josef’ u dik ‘Prekursur’. Għall-banda “La Stella”, illum kif inhu xieraq kien jum ta’ mistrieħ.

Ta’ min jgħid li dawn iż-żewġ baned illum sabu posthom sew fil-kalendarju tal-festa ta’ San Ġorġ. Il-marci festivi bdew min-nofs Triq ir-Repubblika għal quddiem il-Każin La Stella u lejn Pjazza San Ġorġ. Hawnhekk iż-żewġ baned ingħataw merħba kbira mill-ħafna partitarji li kienu qegħdin jistennewhom proprju f’din il-pjazza prinċipali quddiem il-bażilika Ġorġjana.

Wara li ndaqq l-innu marċ tkompla l-marċ akkumpanjat mill-istatwa artistika ta’ San Ġorġ, statwa ta’ l-artist Għawdxi Austin Camilleri, statwa li tintuża fit-tieni dimostrazzjoni popolari fil-festi ta’ San Ġorġ. Għax ta’ min jgħid li ta’ l-Istilla mhux dimostrazzjoni popolari waħda għandhom, l-anqas tnejn, imma tlieta!! Tliet statwi artistici li joħorġu l-Erbgħa, l-Ħamis u mbagħad il-Ġimgħa, l-aqwa kapulavur ta’ Vincenzo Cremona, San Ġorġ ta’ Barra, San Ġorġ Rebbieħ, l-ewwel statwa għall-festi esterni f’Għawdex.

Il-marċi festivi għaddew minn Triq San Ġorġ, għal Triq Karita u Triq Mons Farrugia. Minn hawn komplew fi triqthom lejn Triq Palma u mbagħad lejn Pjazza San Frangisk fejn attendejna għat-tlugħ sabiħ ta’ l-istatwa fuq il-pedestall li kien armat quddiem il-knisja konventwali ta’ San Franġisk fost id-daqq ta’ l-innu popolari ‘Lill-Kbir Martri San Ġorġ’ mill-baned mistiedna.

U nagħlqu b’nota oħra, dwar it-tiżjin u l-armar mill-isbaħ kemm dak uffiċċjali, jiġifieri armar tas-Soċjetà u anke dak privat. Fuq l-armar tas-Soċjetà wieħed jista’ ma jiqafx jitkellem fuqu peress li llum, u bħal qatt qabel, hemm tim tant bravu u b’saħħtu li matul is-sena kollha jistinkaw u jaraw x’jagħmlu sabiex ikomplu jkabbru l-festi Ġorġjani bit-tiżjin meravilja tagħhom. U hawn ukoll ta’ min jgħid prosit kbir u grazzi kbir lil dawk kollha involuti fosthom lill-President ta’ l-Għaqda ta’ l-armar Raymond Farrugia, lill-artist ħabib tagħna Joseph Cauchi, lit-teżorier ħabrieki Manuel Attard u bosta u bosta oħra li jħaddnu twemmin Ġorġjan bħalna lkoll. Insomma, bħal ta’ l-Istilla la hawn u l-anqas ser ikun hawn. Kif qalilna wieħed ħabib fil-għaxija “x’festi kbar tagħmlu, kollox bil-kbir, minn fejn iġġibuhom dawn il-folol kollha, kif tlaħħqu ma’ din l-attivita kollha?!”

Inkomplu b’aktar aħbarijiet u informazzjoni għada ħbieb tagħna, b’rappurtaġġ dwar l-attivijiet tal-lejla. Minn dawn il-pagni nsellmulkom u nistednukom sabiex il-lejla tingħaqdu magħna għall-aħħar jum tat-tridu u għad-dimostrazzjoni grandjuża b’San Ġorġ Rebbieħ, u anke għada s-Sibt għall-marċ tradizzjonali ta’ filgħodu, fl-10.00am u mbagħad għal riċeviment fis-Sala Giardini Vella fil-Każin “La Stella”. Kemm bandisti, kemm kumitati fi ħdan is-Soċjetà, kemm soċji u ħbieb tagħna, ejjew ingħaqdu magħna f’din l-għodwa tas-Sibt filgħodu.

Ta’ min ifakkar li għadu kemm ħareġ it-33 pubblikazzjoni tal-ktieb programm tal-festa tagħna, ktieb ferm ippreżentat tajjeb minn tim ieħor ħabrieki fi ħdan is-Soċjetà tagħna, tim immexxi minn George Apap, Editur u Manuel Grima, PRO tas-Soċjetà La Stella, flimkien ma’ Andrew Formosa, George Cini u Christian Abela.

ritratti: Joe Attard